Monday, May 25, 2026

L-AĦĦAR ĠIMGĦA TAL-KAMPANJA ELETTORALI

Aqra wkoll

Dħalna fl-aħħar ġimgħa tal-kampanja elettorali. Ġimgħa li se tkun waħda intensiva għall-partiti politiċi fejn se jkunu qegħdin jagħmlu l-aħħar sforzi tagħhom bil-għan li jikkonvinċu aktar persuni, fosthom dawk indeċiżi, sabiex joħorġu jivvutaw. 

Fil-fatt, fl-aħħar jiem, kemm il-Prim Ministru Robert Abela kif ukoll il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg komplew bl-appelli tagħhom. Il-Prim Ministru nnifsu kien ċar meta qal li kull elezzjoni tibda “xejn b’xejn u jeħtieġ nibqgħu naħdmu flimkien sal-aħħar sekondi tal-kampanja.”

Dr Abela tenna li hu kruċjali li jkomplu jikkonvinċu lil dawk li s’issa għadhom dubjużi x’se jagħmlu biex ifehmuhom il-proposti tal-manifest “Int Malta” u jkomplu jisimgħu l-weġgħat u l-ilmenti tagħhom sabiex jibqgħu joffru s-soluzzjonijiet. 

U kif qal tajjeb il-Prim Ministru, ir-rispons pożittiv li kellhom għall-proposti li ressqu bħala partit, ma jfisser xejn mingħajr il-vot. Dak id-dokument li huwa ċ-ċavetta biex kull individwu jwassal il-messaġġ tiegħu bin-numri li jniżżel meta jkun waħdu fil-kamra tal-votazzjoni. 

Huwa biss bil-vot tan-nies, li dawn il-proposti jistgħu jiġu mibdula f’realtà. Nemmnu wkoll li l-kredibilità u l-konsistenza jibqgħu elementi fundamentali. Dawn l-elementi huma kruċjali għaliex il-poplu jista’ jifhem aħjar x’ħidma saret f’dawn l-aħħar snin biex tkompli titjieb il-kwalità tal-ħajja filwaqt li l-ekonomija tal-pajjiż kompliet tirreġistra riżultati mill-aktar pożittivi. 

Għalhekk li l-kredibilità torbot ukoll mal-konsistenza, fejn dak li ġie mwiegħed mill-Gvern Laburista f’dawn l-aħħar snin, rajnieh jiġi mwettaq. U għalhekk il-miżuri fil-manifest “Int Malta” se jibnu fuq il-ħafna tajjeb li diġà sar sabiex ikomplu jkunu t’appoġġ għal kulħadd.

F’dan l-isfond, l-għażla tat-30 ta’ Mejju hi waħda ċara. Għażla dwar liema triq se tkun qiegħda tagħżel Malta għall-futur. Kif diġà għedna aktar qabel, il-poplu se jkun qiegħed jivvota mhux biss dwar il-proposti imma wkoll għal min għandu l-kredibilità li jwettaq u l-kompetenza li jmexxi. Din fil-fehma tagħna se tkun l-akbar deċiżjoni li pajjiż jista’ jagħmel. Dak huwa li l-poplu jrid jara, l-għaqal fit-tmexxija u fil-finanzi tal-pajjiż. L-għaqal li jsarraf f’sostenn akbar lill-familji u n-negozji anke f’mumenti ta’ sfidi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport