Saturday, April 18, 2026

Christian Abbiati … il-preżenza tiegħu f’Għawdex tkompli ssaħħaħ ir-rabta bejn il-futbol Taljan u l-partitarji Maltin

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-goalkeeper leġġendarju Taljan Christian Abbiati riċentement kien fil-gżejjer Maltin sabiex jieħu sehem f’avveniment speċjali organizzat għall-partitarji ta’ AC Milan, fejn iltaqa’ ma’ numru kbir ta’ Rossoneri Maltin u Għawdxin f’Villa Fiorita, Maralforn, Għawdex.

L-eks goalkeeper, li llum il-ġurnata kellu 48 sena u li kellu karriera mill-aktar sabiħa ma’ AC Milan, intlaqa’ b’entużjażmu kbir minn dawk preżenti, f’serata ddedikata għar-rabta qawwija bejn il-klabb Taljan u l-partitarji f’Malta.

F’intervista esklussiva ma’ dan is-sit, Abbiati tkellem b’mod miftuħ dwar il-karriera tiegħu, il-mumenti l-aktar importanti u wkoll l-esperjenza tiegħu f’Malta u Għawdex, li ddeskrivihom bħala “post sabiħ u mimli passjoni għall-futbol”.

“Meta tasal f’pajjiż bħal Malta u Għawdex u tara kemm in-nies iħobbu l-futbol Taljan, speċjalment AC Milan, tħossok tassew apprezzat,” qal Abbiati.

Abbiati beda l-karriera tiegħu ma’ Monza qabel ingħaqad ma’ AC Milan fl-1998. Huwa lagħab aktar minn 300 partita għall-klabb Rossonero u sar l-goalkeeper b’aktar dehriet fl-istorja ta’ Milan, b’total ta’ 380 dehra.

Matul il-karriera tiegħu, huwa rebaħ tliet kampjonati Serie A, Coppa Italia, żewġ Supercoppa Taljana, Champions League u UEFA Super Cup, u b’hekk ikkonferma postu bħala wieħed mill-ikbar goalkeepers fl-istorja tal-klabb.

“Il-ħolma tiegħi kienet sempliċi ħafna, dik li nilgħab ma’ Milan. Meta bdejt, kont it-tielet goalkeeper, imma ħdimt ħafna u tajt kollox biex nasal,” qal Abbiati.

Huwa fakkar ukoll fil-mument tad-debutt tiegħu fis-Serie A fl-1999 u kif bil-mod il-mod irnexxielu jsir l-ewwel għażla bejn il-lasti. “Kien żmien sabiħ ħafna. Kont żgħir, imma mdawwar b’kampjuni kbar li għallmuni ħafna.”

Abbiati semma diversi mumenti importanti fil-karriera tiegħu, fosthom is-saves kruċjali li għamel ma’ Milan, il-kampjonati mirbuħa u wkoll l-esperjenza tiegħu fil-finali tal-Champions League.

“Il-futbol jagħtik ħafna emozzjonijiet. Tiftakar ħafna drabi fejn salvajt lit-tim tiegħek meta tkun għamilt xi save imporanti, partiti kbar u trofej, imma l-aktar li jibqa’ miegħek huma n-nies li taħdem magħhom kuljum,” qal hu.

Huwa rrefera wkoll għal żmienu ma’ Juventus u Atlético Madrid, fejn kellu opportunitajiet importanti meta ma kienx qed jilgħab regolarment ma’ Milan. “Kull esperjenza għallmitni xi ħaġa ġdida. Anke meta kont fuq self, dejjem tajt l-aħjar tiegħi.”

Għal Abbiati, AC Milan jibqa’ parti fundamentali minn ħajtu. “Milan mhux biss klabb għalija, hija familja. Qattajt 15-il sena hemmhekk u għext kollox minn rebħiet kbar sa mumenti diffiċli.”

Huwa fakkar ukoll fil-plejers leġġendarji li lagħab magħhom, fosthom Paolo Maldini, Andrea Pirlo, Gennaro Gattuso, Kaká, Ronaldinho u Filippo Inzaghi. “Kont fortunat ħafna li lgħabt ma’ dawn il-plejers li nista’ nsejħilhom leġġendarji. Tgħallimt ħafna minnhom.”

Meta mistoqsi dwar il-futbol illum, Abbiati qal li l-logħba nbidlet ħafna iżda xorta tibqa’ spettakolari. “Il-futbol illum huwa aktar veloċi u tekniku, iżda dejjem hemm bżonn il-mentalità u l-ispirtu ta’ tim biex ikun hemm ir-rebħ.”

Dwar AC Milan tal-lum, huwa wera ottimiżmu iżda wkoll realiżmu. “Nispera li Milan jispiċċaw mal-ewwel erbgħa. Huwa tim tajjeb, imma kompetizzjoni bħalissa hija iebsa ħafna, speċjalment ma’ timijiet bħal Inter.”

Abbiati żied jitkellem ukoll dwar l-importanza tal-mentalità fil-futbol modern, fejn qal li goalkeeper irid ikun mhux biss dak li jilqa’ x-xuttijiet iżda wkoll plejer b’karattru u personalità qawwija. “Illum il-logħba nbidlet ħafna. Il-goalkeeper irid ikun parti mill-bini tal-logħob, mhux biss jiddefendi l-lasta. Trid tkun kalm meta tasal il-pressjoni u tagħmel deċiżjonijiet malajr,” spjega.

Huwa saħaq li elementi importanti fil-karriera tiegħu kienu il-konsistenza u d-dixxiplina. “Il-karriera tiegħi ma kinitx dejjem faċli, imma qatt ma qtajt qalbi,” qal Abbiati.

Meta tkellem dwar il-ġenerazzjoni żagħżugħa, huwa ħeġġeġ lill-plejers Maltin u Għawdxin biex ma jaqtgħux qalbhom u biex jemmnu fil-ħolm tagħhom. “Il-parir tiegħi huwa sempliċi: trid taħdem ħafna, tkun umli u tieħu kull opportunità li jkollok. Il-futbol jista’ jwasslek kullimkien jekk tkun iddedikat,” żied jgħid.

Abbiati fakkar ukoll kemm kienet importanti l-esperjenza tiegħu bħala parti minn grupp rebbieħ ma’ Milan. “Meta tkun f’tim kbir, titgħallem li s-suċċess ma jiġix minn individwu wieħed. Jiġi mill-grupp kollu. Dik kienet is-saħħa ta’ Milan ta’ żmieni,” qal hu.

Huwa temm billi qal li għalkemm illum irtira mill-futbol professjonali, xorta jibqa’ qrib il-logħba u jsegwi l-iżvilupp tagħha. “Il-futbol jibqa’ parti minn ħajti. Issa nħares lejh minn angolu differenti, imma l-passjoni tibqa’ l-istess,” temm jgħid.

Abbiati ma naqasx milli jitkellem dwar iż-żjara tiegħu f’Malta u Għawdex, li ddeskriviha bħala esperjenza pożittiva ħafna. “Ħaduni madwar Għawdex u rajt post sabiħ ħafna. In-nies huma ġentili u għandhom passjoni kbira għall-futbol.”

Huwa temm billi rringrazzja lill-organizzaturi u lill-partitarji kollha li attendew għall-avveniment. “Meta tara tant imħabba għal AC Milan, tifhem kemm il-futbol jista’ jgħaqqad lin-nies. Huwa unur kbir għalija li nkun hawn.”

Il-preżenza ta’ Christian Abbiati f’Għawdex kompliet issaħħaħ ir-rabta bejn il-futbol Taljan u l-partitarji Maltin, u tat mument speċjali lil dawk kollha preżenti li kellhom iċ-ċans jiltaqgħu ma’ wieħed mill-ikbar goalkeepers tal-era moderna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport