Friday, November 15, 2024

“Ma jfissirx li għax ikollok permess, ikollok razzett”

Qabel il-gwerra kien hawn mogħża għal kull erba’ persuni

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Irridu nagħmlu distinzjoni bejn permess ta’ trobbija tan-nagħaġ u razzett tan-nagħaġ. Sfortunatament dan is-settur kulma jmur qiegħed ikompli jiġi miżinterpretat minħabba nuqqas ta’ għarfien u qegħdin nispiċċaw imqarrqa bl-istatistika”. Iddikjara dan ma’ talk.mt Darryl Grech f’isem is-settur tat-trobbija tan-nagħaġ u l-mogħoż f’pajjiżna.

Grech kien qiegħed jirreferi għall-interpretazzjoni tat-tweġiba tal-Ministru Anton Refalo għal mistoqsija parlamentari li saritlu fl-aħħar jiem. Huwa żied jgħid li filwaqt li fil-midja ġie rrappurtat li hemm 626 razzett reġistrat għat-trobbija ta’ dawn il-bhejjem, jeħtieġ li jkollna stampa ċara ta’ din l-istatistika.

Grech qal li b’xorti tajba, f’Għawdex, iktar milli f’Malta baqa’ numru mdaqqas, anke kif tindika l-istatistika ta’ persuni li għandhom nagħmur għat-trobbija tal-bhejjem. Huwa saħaq jgħid li bl-istess raġunament li kamra ma nistgħux insejħulha dar, hekk ukoll ma nistgħux ngħidu li kull min għandu permess irabbi mogħża jew nagħġa ifisser li għandu razzett.

Huwa nnota b’dispjaċir li minħabba li l-isfidi huma kbar, anke minħabba spejjeż bħalma huma l-għalf u l-friex, illum l-isfida fis-settur hija li nkomplu nħajru iżjed persuni jrabbu u mhux  kif rrappurtat li għandna numru daqstant kbir ta’ “rziezet”.

“irridu nħeġġu lil dawn ir-raħħala jkomplu u mhux nagħmlulhom il-bsaten fir-roti”

Daryl Grech

Ma’ dan is-sit, Grech qalilna li ħafna minn dawn l-imsemmija rziezet rrappurtati fil-midja fl-aħħar jiem huma sempliċiment permessi ta’ dilettanti li qegħdin irabbu bhima jew tnejn. Żied jgħid li kull bhima hija registrata fl-imsejħa National Livestock Database sabiex jiġi assigurat li l-bhejjem tagħna huma ħielsa mill-mard. Bl-isforz kontinwu tal-awtoritajiet u bil-ħila ta’ bosta uffiċjali, matul is-snin ġie mfassal programm nazzjonali għall-eradikazzjoni tal-mard. Kompla biex jgħid li anke bis-saħħa tal-koperazzjoni tar-raħħala dedikati fis-settur, għal numru ta’ snin il-gżejjer taghna jinsabu ħielsa minn bosta mard preżenti f’numru ta’ pajjiżi, inkluż pajjiżi ġirien tagħna fl-Unjoni Ewropea.

Grech spjegalna li l-awtoritajiet u r-raħħala tagħna llum il-ġurnata huma fi djalogu miftuħ kontinwament biex jingħelbu l-isfidi u jagħmlu dak kollu li jistgħu biex dak kollu li sar fil-passat ma jisfumax fix-xejn u nibdew nirreferu għas-settur bħala xi ħaġa tal-passat. 

“B’mod speċjali nsemmi wkoll lil Vince Parnis bħala l-Kap tas-Servizzi tal-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib (KPĦ), tal-ħidma kontinwa u dedikata tiegħu fis-settur tagħna. Persuna ta’ referenza dejjem dispost sabiex jgħallem u jgħin lir-raħħala tagħna. Bniedem verament tas-settur u għas-settur”, saħaq Grech.

Vince Parnis / Ritratti: Alan Saliba

B’referenza għal rakkonti minn ġenerazzjonijiet ta’ qabilna  u dokumenti fl-arkivji Grech qalilna li din mhux xi ħaġa tal-lum. Huwa rrefera għar-riċerkaturi u pijunieri bħalma huma s-Sur Ġużi Gatt u s-Sur Noel Buttigieg li fost l-oħrajn, jirrakkuntaw kif qabel, kull familja kien ikollha xi nagħġa jew mogħża biex jipproduċu ħalib frisk. Bħala persuna intiża fis-settur huwa kkwota statistika li tmur lura għal qabel il-gwerra (1940) fejn hu stmat li f’pajjiżna kien hawn popolazzjoni ta’ madwar 250,000 u madwar 60,000 mogħża. Dan ifisser li dak iż-żmien kien hawn mogħża għal kull erba’ min-nies. Żied jgħid li llum qed ngħixu f’realtà fejn żdiedet il-popolazzjoni u meta wieħed jikkunsidra l-merħliet lokali bħalma huma dawk tal-mogħoz, kulma baqa’ huma madwar 5,000. Dan l-istess numru ta’ mogħoż kienu jidħlu kull filgħodu l-Belt Valletta biex jinħalbu fit-toroq.

Grech temm jappella biex filwaqt li dak li jkun jinforma ruħu tajjeb, m’għandux ikun hawn tixrid ta’ informazzjoni nieqsa mill-għarfien sħiħ li tista’ sfortunatament twassal għal allarm bla bżonn li qiegħed iwassal għal iżjed ħsara lil dawn ir-raħħala bieżla li fl-aħħar mill-aħħar anke b’sempliċi nagħġa jew mogħża qegħdin jikkontribwixxu fil-produzzjoni tal-ikel.

Ekonomija

Sport