Saturday, May 18, 2024

“Ma jfissirx li għax il-festi reġgħu ħadu l-ħajja nistgħu noqogħdu b’idejna fuq żaqqna”

Dr Noel Camilleri, President tal-Għaqda Każini tal-Banda

Aqra wkoll

Is-Soċjetajiet tal-baned tagħna huma sinonimi mal-festi Maltin u dan għaliex m’hemmx dubju li l-każini tal-banda jagħrfu li l-festi fil-lokalitajiet fejn huma stabbiliti huma parti integrali mill-fibra reliġjuża, kulturali u soċjali ta’ pajjiżna. L-enerġija u l-entużjażmu li jittrasmettu l-għaqdiet mużikali lill-poplu kollu fil-ħidma tagħhom biex jorganizzaw l-attivitajiet tagħhom fil-festi tagħna hija xi ħaġa li kulħadd jammira u jirrikonoxxi. 

Dr Noel Camilleri hu l-president tal-Għaqda Każini tal-Baned li ġiet imwaqqfa fl-1947. L-għan ta’ din l-Għaqda huwa li tieħu ħsieb l-interessi tal-għaqdiet imsieħba billi ssostni u ssaħħaħ ir-relazzjoni bejn l-għaqdiet mużikali membri tal-għaqda, tgħin fil-bżonnijiet ġenerali tagħhom u titratta problemi u diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom u taħdem sabiex ittejjeb il-livell ta’ tagħlim u apprezzament tal-arti mużikali fil-każini tal-banda u f’Malta.

Din l-Għaqda hija purament volontarja u l-ħidma tagħha ma tħalli l-ebda profit mill-attivitajiet organizzati minnha. Dan il-ġurnal ħa l-kummenti ta’ Camilleri li kburi bil-75 anniversarju li din l-għaqda ċċelebrat is-sena l-oħra.

“Kellna ċelebrazzjoni sabiħa ħafna fis-16 ta’ Settembru li għadda fejn l-membri tagħna ltaqgħu flimkien l-ewwel permezz ta’ quddiesa fejn raddejna ħajr lil Alla ta’ dawn il-75 sena li għal ħafna li jiftakru l-bidu tal-għaqda qalu li għaddew bħal leħħa ta’ berqa u mbagħad permezz ta’ Masterclasses li kienu tant importanti sabiex inħallu legat għall-membri futuri u aktar żagħżugħa.”

“Organizzajna attivitajiet li fihom ħadu sehem mhux biss il-każini tal-baned iżda wkoll il-banda tal-forzi armati u għaqdiet oħra għax aħna ridna nkunu għaqda kollha f’daqqa aktar milli kulħadd għal rasu.”

“Kellna l-kunċert fl-24 ta’ Frar li għadda fil-Kon Katidral ta’ San Ġwann li fiha ħadet sehem il-Banda Nazzjonali ta’ Malta li offriet lil dawk preżenti mużika melodjuża. Dan kien kunċert ċelebrattiv bl-isem ta’ Laudate Dominum in sanctis eius u li kien taħt id-direzzjoni tal-Maestro Taljan Giampaolo Lazzeri taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Dr George Vella.”

Fil-fatt kien l-istess Giampaolo Lazzeri li mexxa l-Master Classes li bdew f’Ottubru u li spiċċaw f’Jannar li għadda. L-għan tagħhom kien li l-għaqda tkompli tkattar aktar l-interess fost iż-żgħażagħ filwaqt li ssaħħaħ aktar membri fi ħdan il-każini tal-baned ewlenin kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Dr Noel Camilleri rringrazzja lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici li dejjem sabuh ta’ spalla għall-attivitajiet li ġew organizzati u anke l-għajnuna li tingħata mill-istess ministeru.

Camilleri qal li kellhom anke laqgħat mal-Aġenzija Żgħażagħ, mal-MCAST u anke mad-Direttorat tal-Kultura għax kif fisser hu stess din il-kategorija ta’ persuni hi mhux biss il-preżent ta’ dawn il-festi iżda wkoll il-futur. 

“Nemmen li s-sabiħ li għandna rridu nkomplu nsaħħuh iżda wkoll nkabbru aktar għax hemm lok ta’ titjib dejjem. Qatt m’għandek tistrieħ u tgħid li għax il-festi reġgħu ħadu l-ħajja, issa nibqgħu b’idejna fuq żaqqna. Aħna għaqda li naħdmu ħafna, b’mod volontarju iżda għax għandna għal qalbna l-festi Maltin u Għawdxin.”

Din is-sena tista’ tfisser ukoll li sa fl-aħħar il-festi jerġgħu jieħdu r-ruħ wara l-perjodu xejn sabiħ relatat mal-pandemija tal-COVID-19 fejn fis-snin 2020 u 2021 ma kien sar xejn. Is-sena l-oħra, il-festi reġgħu bdew għalkemm l-isfidi finanzjarji kienu u sa ċertu punt għadhom hawn. 

“Stajna naraw li meta ma sarux festi Maltin, is-sajf kif nafuh aħna kien mejjet għalkollox. Hekk kif bħalissa għandna sett ta’ festi li bdew jiġu ċċelebrati, qed nara entużjażmu kbir miż-żgħażagħ li tant huma l-fibra tas-soċjetajiet mużikali Maltin.”

“Il-festi huma parti mill-kultura tagħna l-Maltin. Meta ġew mistoqsija dwar din it-tema, ħafna Maltin identifikaw ruħhom mal-festi għax huma parti mit-tradizzjonijiet tagħna.”

“Hemm diversi elementi li jorbtu l-festi tagħna fosthom il-piroteknika fejn is-sema’ Malti jiġi msebbaħ b’dawk il-forom u l-kuluri tipiċi tal-logħob tan-nar, il-banda li ddoqq innijiet u marċi tipiċi u popolari, il-liturġija u l-purċissjoni li huma l-parti reliġjuża tal-festa kif ukoll (u din importanti), is-sens ta’ komunità li diversi Maltin ikollhom f’dik il-ġimgħa.

Hemm dik is-sens ta’ appartenenza li rridu nibżgħu għalih. Kemm hu sabiħ meta l-poplu Malti jiltaqa’ u jaqsam l-ideat tiegħu fuq il-festi li tant huma għal qalbna!”
Matul il-perjodu tal-festi huwa naturali li jkun hemm aspettattivi kbar mhux biss mill-partitarji u mill-benefatturi ta’ soċjetà mużikali partikolari, imma anke mill-komunità nfisha biex tara li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi jkunu sbieħ.

Dan kollu jpoġġi pressjoni akbar fuq id-diriġenti tas-soċjetajiet mużikali biex jaraw li l-festi tagħna jibqgħu jkunu avvenimenti importanti fil-kalendarju kulturali u reliġjuż ta’ pajjiżna. Madanakollu, huwa importanti li bħala soċjetajiet mużikali, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali u anke lokali, kemm dawk ċivili u dawk reliġjużi, naraw li l-festi tagħna u allura l-ħidma tal-għaqdiet mużikali ma tkunx imtappna.

Dr Camilleri temm jgħid li l-festa għandha tibqa’ waħda li fiha l-komunità tingħaqad biex issaħħaħ l-identità kulturali tagħha, dik reliġjuża, kif ukoll dik soċjali u anke dik bħala nukleu familjari, għaliex kulħadd jagħraf kemm huma importanti li l-ġranet tal-festa jintużaw b’mod tajjeb, san u li jkunu ta’ ġid veru għal kull min jieħu sehem fihom.

Sport