“L-ewwel ġurnata tiegħi bħala ħaddiema soċjali fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ. 25 sena ta’ ħidma soċjali li ma jiddispjaċini qatt li dħalt għal din il-professjoni. Mhux dejjem kollox ward u żgħar – imma dak f’kollox. 25 sena li laqqgħuni ma’ professjonisti differenti minn oqsma differenti. Fuq kollox, 25 sena fejn smajt u ltqajt ma’ nies li fittxew is-servizz tagħna. Tajt u nibqa’ nagħti dejjem minn qalbi iżda ħadt ħafna wkoll u dan grazzi għal min dejjem investa fija, l-ikbar tagħlim jibqa’ dejjem minn dawk li resqu lejn is-servizz tagħna. Għal aktar ħidma flimkien”.
Hekk kienet kitbet fil-5 ta’ Lulju tas-sena 2020 il-mibkija Direttur tal-Aġenzija Appoġġ fi ħdan l-FSWS, Graziella Castillo. L-aħbar tal-mewt tagħha din il-ġimgħa ħasdet u bikmet lil ħafna. Castillo, deskritta bħala persuna eżemplari li dejjem ħadmet mingħajr daqq tat-trombi, kienet iddedikata ħafna fil-professjoni tagħha.
Hija kienet bdiet taħdem bħala ħaddiema soċjali mal-FSWS, li dak iż-żmien kien SWDP fl-2020, professjoni impenjata direttament mal-bniedem u mad-dinjità tiegħu. Professjoni li tħaddem prinċipji ta’ ġustizzja soċjali, solidarjetà u ugwaljanza biex tappoġġja individwi, familji u komunitajiet li qegħdin jaffaċċjaw diffikultajiet.
Ir-rwol tal-ħaddiema soċjali… rwol li kellha Castillo
Fil-qalba tagħha, il-ħidma soċjali tfisser intervent professjonali biex jiġu indirizzati problemi soċjali bħall-faqar, il-vjolenza domestika, l-esklużjoni soċjali, il-mard mentali u sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà oħra. Ix-xogħol li kellha Castillo u l-ħaddiema fil-qasam soċjali kollha, ma jipprovdix biss għajnuna immedjata, iżda wkoll ħidma biex tissaħħaħ il-kapaċità tan-nies li jieħdu kontroll ta’ ħajjithom u jtejbu s-sitwazzjonijiet tagħhom.
Ta’ min isemmi li r-rwol tal-ħaddiema soċjali fis-soċjetà huwa wieħed fundamentali. Dawn jaġixxu bħala pont bejn il-persuna u s-servizzi, kemm dawk tal-istat kif ukoll dawk tal-komunità. Dan bil-għan li jiżguraw li kulħadd ikollu aċċess għad-drittijiet u l-appoġġ li jistħoqqlu. Fl-istess ħin, għandhom ir-rwol kritiku li jidentifikaw inġustizzji strutturali u jagħtu vuċi lil min spiss ma jinstemax.
Ħidma kontra l-abbuż ta’ tfal online
Fost il-ħidma li kienet involuta fiha Castillo hemm iċ-ChildWebAlert, il-linja 24/7 Maltija ddedikata li tiġġieled abbuż ta’ tfal ta’ kontenut online. Din il-linja tippromwovi wkoll is-sigurtà online għat-tfal u l-familji tagħhom.
Fir-rigward Castillo, f’Novembru li għadda, bi pjaċir kienet ħabbret li l-FSWS ingħata s-“CyberRoot Award” fil-kategorija tas-settur pubbliku. Kienet kitbet li, “dan il-Premju huwa xhieda tax-xogħol li nagħmlu bħala ChildWebAlert… Id-dedikazzjoni u l-kollaborazzjoni tat-tim waslu għal progress sinifikanti fil-ħidma li nipproteġu fl-ispazju diġitali lill-vunerabbli li jkunu online”.
Fil-fatt tajjeb li wieħed isemmi li l-professjonisti fil-qasam soċjali jaħdmu fuq diversi livelli: dak individwali, jappoġġjaw persuni fi kriżi; fuq livell komunitarju fejn jippromwovu l-inklużjoni u s-solidarjetà; kif ukoll fuq livell strutturali fejn jistgħu jikkontribwixxu għal bidliet fil-politika u fis-sistemi biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi.
F’termini aktar wesgħin, hija professjoni li tiddefendi l-idea li soċjetà ġusta ma titkejjelx biss mill-ġid ekonomiku tagħha, iżda mill-mod kif tittratta lill-aktar persuni vulnerabbli. Għalhekk, il-ħaddiema soċjali mhux biss tagħti servizz imma hija pilastru ta’ koeżjoni soċjali u ġustizzja.
Irrappreżentat lil pajjiżna f’network importanti
F’wieħed mill-aħħar messaġġi li kienet tellgħet online, Castillo kienet qasmet esperjenza ġdida li kellha bħala r-rappreżentanta tas-Servizzi ta’ Assistenza Soċjali lokali f’livell Ewropew. Hija kienet attendiet għat-tnedija tan-Network for the Prevention of Child Sexual Abuse tal-Kummissjoni Ewropea. Hawn kienet spjegat, “se nirrapreżenta lill-pajjiżi f’dan in-network importanti flimkien ma’ esperti oħra. Il-mandat tagħna se jkun li nassistu lill-Kumissjoni fil-preparazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ta’ politika fil-qasam tal-prevenzjoni tal-abbuż sesswali tat-tfal kemm online kif ukoll offline”.
Nagħlqu billi nfakkru li fid-dinja tal-lum l-isfidi soċjali qegħdin dejjem jikbru u jinbidlu malajr. Għaldaqstant, ir-rwol tal-ħaddiema soċjali u dawk kollha involuti fis-settur, bħalma kellha Castillo, qiegħed isir aktar importanti minn qatt qabel. Graziella Castillo fix-xogħol tagħha kienet vuċi, difiża u forza ta’ bidla għal soċjetà aktar umana u inklużiva.
Kienu ħafna l-organizzazzjonijiet u persuni li f’dawn il-ġranet qasmu l-għadab tagħhom għal din it-telfa b’messaġġi ta’ ħajr lil Castillo għax-xogħol siewi li kienet tagħmel bil-qalb fis-soċjetà tagħna.

