Wednesday, May 8, 2024

Ma jinstabx ħati li seraq ġiżirana minn fuq anzjan

Aqra wkoll

Simon Leyton Rachid ma nstabx ħati li fis-7 ta’ Settembru tal-2018 għall-ħabta tal-9.45pm kien seraq ġiżirana minn fuq Mary Elsworth li hija persuna anzjana. L-allegat serqa kienet saret il-Birgu.

F’din is-serqa Elsworth ma sofriet l-ebda ġrieħi u l-pendent li allegatament insteraq kellu valur minimu.

Quddiem il-Magistrat Nadine Sant Lia l-Ipsettur Prosekutur Saviour Baldacchino xehed li dak inhar tal-każ kien mar Christian Elsworth l-għassa ta’ Bormla li ommu Mary kienet ġiet misruqa. Il-pulizija mill-ewwel marru fuq il-post indikat li kienet seħħet is-serqa u kienet Mary stess li spjegat li kien għadda xi ħadd minn magħha u ħadilha l-ġiżirana. Qalet ukoll li minħabba li l-affarijiet kienu ġraw ħafna malajr ma setgħetx tara min kienet din il-persuna.

L-Ispettur qal fil-Qorti li l-pulizija sabu xi filmati ta’ CCTV li hemm fiż-żona u minnhom ħareġ li kien hemm 3 persuni nvoluti fis-serqa. Xehed li wieħed għadda faċċata tal-vittma waqt li l-ieħor ħadilha l-ġiżirana minn wara. It-tielet persuna kien qed jistenna lill-oħrajn f’karozza Fiat Punti.

Minn aktar investigazzjonijiet sar magħruf li l-karozza kienet miktuba fuq Joeline Camilleri, iżda meta ġiet mitkellma mill-pulizija qalet li dik kienet ta’ Simon Camilleri li jiġi s-sieħeb t’ommha. Meta Simon ġie mitkellem mill-pulizija qal li għalhekk il-karozza hija tiegħu hu ċaħda li kien involut f’din is-serqa u qal li l-karozza kien juża ibnu Simon Layton Rachid.

Hu qal lill-pulizija li darba kien sema konversazzjoni bejn ibnu u xi ħadd ieħir fejn bdiet tisemma xi ġojjellerija fejn qalu “wara kollox ma tiswa xejn”.

Meta l-pulizija marru jitkellmu mal-akkużat għall-ewwel għażel li jibqa’ sieket, iżda wara għamel dikjarazzjoni fejn ammetta l-involviment tiegħu fil-każ. Hu ddentifika wkoll lil “Alfred” minn Bormla u lil “Marco Rapinett”. Il-Prosekuzzjoni qalet li dawn it-tnejn ma kienux tressqu l-qorti minħabba li ma kienx hemm provi biżżejjed kontrihom.

Min-naħa tagħha l-vittma li wkoll xehdet f’dawn il-proċeduri qalet li meta ġara l-każ hija kienet tiela’ lejn id-dar tagħha u rat żewġ ġuvintur resqin lejha. Hi ħasbithom li se jistaqsuha xi ħaġa iżda wieħed minnhom kien pront qabad il-pendent tal-ġiżirana tagħha. Qalet li hi laħqet qabdet il-ġiżirana u għalhekk kull ma ħadu kien il-pendent.

Meta ġie mistoqsija kemm kien jiswa l-pendent qalet li bejn wieħed u ieħor €35 jew €40.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li fliet sew il-filmati tas-CCTV u minn dawn il-filmati jidhru diversi persuni, iżda ma jurux b’mod ċar lill-akkużat. Irriżulta wkoll li lanqas ħareġ sew id-dinamika tas-serqa.

Ġie nnutat ukol li l-pulizija kienu tkellmu mas-sidien tal-vettura, iżda fil-filmati din il-vettura ma tidhrix, iżda tidher vettura oħra b’numru ta’ reġistrazzjoni differenti. Il-vittma lanqas iddentifikat lill-aggressur tagħha.

Il-Maġistrat Sant Lia qalet li l-Qorti għarblet il-provi kollha imressqa … u mill-provi kif miġbura u mressqa quddiem din il-Qorti tqis li l-provi tal-prosekuzzjoni u x-xhieda mressqa mhix biżżejjed biex l-akkużat jinstab ħati.

Għalhekk ma sabitx lil Simon Leyton Rachid tal-akkużi kollha miġjuba kontrih u lliberatu minn kull ħtija.

Sport