Sunday, May 5, 2024

Se jiġi varat pjan bil-quddiem ta’ kura fid-djar tal-anzjani

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Se nkunu qed invaraw ‘Advance Care Planning’ f’kull dar ta’ kura f’pajjiżna. Dan ifisser li se nagħtu vuċi soda u ċara lill-persuni li nieħdu ħsieb fit-trattament personalizzat ta’ kull wieħed u waħda minnhom.”

Qal dan il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela waqt id-diskussjoni tal-estimi finanzjarji għall-Ministeru tal-Anzjanità Attiva b’rabta mal-Budget li ppreżenta l-Gvern.

Il-Ministru Abela beda biex stqarr li l-Budget 2024 huwa wieħed sod u soċjali, fejn għal darba oħra l-Gvern se jerġa’ jżid lill-pensjonanti u anke lir-romol. Huwa kompla billi ta elenku għal diversi xogħlijiet li saru fix-xhur li għaddew u s-servizzi li qegħdin jiżdiedu fil-qasam tal-anzjanità attiva.

Tkellem dwar San Vinċenz de Paul u qal li din is-sena nfetaħ Ġnien ix-Xewqat Sbieħ għal persuni bid-dimensja u l-qraba tagħhom. Saru wkoll xogħlijiet ta’ modernizzar favur l-ambjent permezz ta’ installazzjoni u impjanti ħodor tal-arja kkundizzjonata, ventilazzjoni u tad-dawl.

Il-Ministru Abela qal li se jkomplu jiżdiedu n-numru ta’ tobba speċjalizzati filwaqt li se jkomplu jisħqu li din il-faċilità hi riservata għal dawk il-persuni li għandhom l-aktar bżonn ta’ kura dipendenti. Se jkunu wkoll qed jiġu investiti €1.6 miljun sabiex jiġu rranġati u rinovati il-ftit swali li għadhom jidhru xi ftit qodma.

Huwa kompla jgħid li mistenni li jiġu varati proġetti pilota fuq l-intelliġenza artifiċjali u r-realtà virtwali biex jgħinu u jsaħħu s-servizzi tal-fiżjoterapija u l-occupational therapy. “L-AI rridu nkunu kawti dwaru imma hemm bżonn li nużawh,” qal il-Ministru Abela.

Huwa saħaq fuq l-importanza tal-prevenzjoni u spjega li ta’ kull ewro li nonfqu fil-prevenzjoni niffrankaw €8 f’kura u terapija. Qal ukoll li sa Ottubru, il-Gvern kien xtara kull sodda li kienet disponibbli fis-suq.

Fir-rigward tal-Awtorità Maltija dwar il-Mediċini, il-Ministru Abela qal li din ser tikommetti miljun ewro mid-dħul tagħha sabiex jinħoloq fond EPCF (Extraordinary Pharmaceutical Care Fund) li ser jintuża biex jinxtraw mediċini innovattivi li mhux fil-formularju.

Fl-2024 ser jinxtraw vaċċini kontra phenmocaccos u ser jingħataw lir-resident tal-care homes fejn dan hu approvat li jnaqqas infezzjonijiet fil-pulmun.
Huwa tkellem ukoll dwar liġi ġdida li għaddiet mill-istadju tat-Tielet Qari, li se tagħmilha possibbli li l-funzjonijiet regolatorji li għandhom x’jaqsmu mad-djar tal-anzjani u kull tip ta’ faċilità ġerjatrika jgħaddu taħt Awtorità ġdid u speċjalizzata – l-OPSA.

Sadanittant, ġie spjegat ukoll li se jkun qed jissaħħaħ il-Malta Lab Network u bi ftehim mal-Malta Enterprise, se jkun qed jassumi r-responsabilità u l-operat ta’ Cyclotron li se jkun qed jipproduċi l-kimika tal-petscans. Dan se jaqdi liċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha mingħajr ma niddependu fuq pajjiżi oħra.

Sport