Monday, May 13, 2024

Unuri prestiġjużi għall-birer ta’ Farsons fil-Brussels Beer Challenge

Aqra wkoll

Il-Brussels Beer Challenge, li issa daħlet fit-12-il edizzjoni tagħha, reġgħet irrikonoxxiet tliet birer tal-Birrerija Farsons fil-kompetizzjoni ta’ din is-sena li saret f’Turnhout, fil-qalba ta’ Antwerp Campine, bejn id-29 u l-31 ta’ Ottubru.

Il-Blue Label Amber Ale ngħatat id-deheb fil-kategorija Pale&Amber Ale: Strong/Extra Special Bitter filwaqt li d-Double Red Strong Ale kisbet il-bronż fil-kategorija Pale&Amber Ale: Strong Amber. Iċ-Cisk Strong ġiet ippremjata bil-fidda fil-kategorija Lager: German-Style Helles/Mailbock/Dopplebock.

Fl-edizzjoni ta’ din is-sena kien hemm 1,811-il birra minn 37 pajjiż differenti. Il-Belġju daħħal 400 birra, l-akbar numru ta’ sottomissjonijiet, ferm aktar mill-Italja (224), Franza (158), l-Istati Uniti (143), iċ-Ċina (133), il-Brażil (128), u l-Ġermanja (103). Din is-sena spikkaw is-sottomissjonijiet tal-Ghana, l-Ekwador, il-Korea t’Isfel, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u l-Mali.

Is-Sur Eugenio Caruana, l-Uffiċjal Ewlieni tal-Operat, qal li “Aħna kburin li għal darb’oħra ġejna rikonoxxuti f’din il-kompetizzjoni prestiġjuża. Il-premjijiet li ksibna huma xhieda tal-konsistenza u l-kwalità tal-birer tagħna u unur għat-tim tal-birrara b’ħila esperta u mill-aktar dedikati li għandna għall-produzzjoni tal-birra.”

Il-Brussels Beer Challenge hi l-ewwel kompetizzjoni professjonali tal-birra fil-Belġju u bdiet fl-2012 minn Becomev (Beer Communications & Events) taħt it-tmexxija ta’ Luc De Raedemaeker u Thomas Costenoble b’reazzjoni għaż-żieda fl-interess fil-kultura tal-birra. Il-kompetizzjoni toffri opportunità unika lill-birrara minn madwar id-dinja li jikkompetu mal-aqwa birer Belġjani.

Il-Blue Label Amber Ale tnediet fl-1928 u matul is-snin rebħet għadd ġmielu ta’ unuri filwaqt li d-Double Red Strong Ale hi żieda aktar riċenti mal-firxa tal-Birer Klassiċi ta’ Farsons, li tinkludi wkoll l-aktar birra ġdida Green Hop IPA. Iċ-Cisk Strong hi lager b’9% alkoħol ABV u parti mill-għażla speċjalizzata tal-portfolju ta’ Cisk.

Il-birer kollha jissajru, jitqassmu, u huma rreklamati minn Simonds Farsons Cisk plc.

Sport