Wednesday, April 24, 2024

Proġett li se jindirizza ġerħa li ilha f’qalb il-poplu tas-Siġġiewi

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, ħabbar li beda r-restawr fuq il-Knisja tas-Salib tal-Għolja, proġett li jinkludi intervent importanti għat-tisħiħ tal-pedament.

F’kumment li ta lil dan is-sit, il-Ministru Bonnici qal li, “dan ir-restawr tal-Knisja tas-Salib tal-Għolja se jindirizza ġerħa li ilha f’qalb il-poplu tas-Siġġiewi b’investiment ta’ €1.5 miljun”.

Dan l-investiment għall-ħarsien tal-wirt storiku qiegħed isir fil-kappella storika tal-Lunzjata magħrufa qrib is-Salib tal-Għoja tas-Siġġiewi li kienet inbniet fis-seklu 15 taħt l-awspiċi tal-Monsinjur Tonna mill-komunità tal-Imdina. Ta’ kull sena din tattira eluf ta’ Maltin devoti b’mod partikolari fil-Ġimgħa Imqaddsa.

Minħabba riskju imminenti ta’ kollass u għaldaqstant anke periklu, kien sar ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn id-Diviżjoni tar-Restawr u l-Preservazzjoni li jinsab fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt, l-Arti u l-Gvern Lokali u l-Arċidjoċesi ta’ Malta ħalli ssir sistema ta’ pedament strutturali taħt l-art b’saħħtu.

Wara dan l-intervent ġeotekniku delikat se jsiru wkoll xogħlijiet ta’ restawr tal-istruttura viżibbli tal-knisja fuq l-art. Qabel inbeda dan il-proġett kienu saru studji ġeoloġiċi estensivi madwar il-kappella.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Bonnici sostna li r-restawr u l-konsolidazzjoni ta’ din l-istruttura storika marbuta mal-kultura Maltija turi l-impenn tal-Gvern kif ukoll tal-Arċidjoċesi ta’ Malta biex jissalvagwardjaw il-wirt ta’ din il-kappella li hija tant għal qalb il-Maltin. Dan ix-xogħol huwa importanti għax se jgħin biex tinżamm ħajja l-identità tagħna l-Maltin u mistenni li jitlesta sal-aħħar tas-sena d-dieħla.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Owen Bonnici temm jgħid li, “dan huwa restawr mhux tas-soltu għax qiegħed jindirizza wkoll il-pedament. Hawn nirringrazzja lill-awtoritajiet tal-Knisja li ħadu ħsieb li jagħmlu l-istudji kollha meħtieġa u lill-ħaddiema kollha tad-Direttorat tar-Restawr li issa se jkunu qegħdin isostnu l-pedament imbagħad wara jirrestawraw il-knisja kollha kemm hi. Din hija knisja li fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira tattira ħafna nies li huma devoti ta’ dawn il-jiem u allura, żgur li se tinżel tajjeb mal-poplu Malti u Għawdxi kollu”.

Sport