Imħallef ċaħdet l-appell tal-għaqda Repubblika li kienet talbet biex il-pulizija tieħu azzjoni kriminali uffiċjali għolja tal-Bank Pilatus.
Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li ppresediet il-Qorti Kriminali, qalet li l-Kummissarju tal-Pulizija jinsab pjuttost b’idejh marbuta proċeduralment u dan għaliex hu ma jistax jistitwixxi proċeduri għal reati bħal ħasil ta’ flus fin-nuqqas ta’ deċiżjoni ta’ prosekuzzjoni li tkun ittieħdet mill-Avukat Ġenerali.
Il-Qorti qalet li hija tal-fehma li b’mod partikolari għal dan il-każ, jekk għandhom jiġu mressqa ċertu persuni b’numru ta’ akkużi li jemerġu mill-istess fatti, dawn għandhom isiru fl-istess waqt u dan speċjalment sabiex ma tagħtix lok li b’xi mod jiġu preġudikati proċeduri futuri.
Il-Qorti qalet li hi konxja wkoll li l-Avukat Ġenerali ħarġet in-nolle prosequi fil-konfront ta’ xi persuni f’dan il-każ u li anke hemm proċeduri pendenti quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. Dan qed isir sabiex tiġi mistħarrġa l-validità tal-istess deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali f’dan ir-rigward.
“Din tal-aħħar ma ħarġitx in-nolle prosequi fil-konfront tal-persuni kollha li skont l-inkjesta kellhom jiġu akkużati u bl-ebda mod ma qalet li hija ma kinitx sejra tipproċedi kontra l-kumplament tal-persuni bir-reat tal-ħasil ta’ flus. Għalhekk din il-Qorti żgur li ma tistax tassumi li l-Avukat Ġenerali mhux sejra tagħmel dan fil-futur,” qalet l-Imħallef Scerri Herrera.
Kien għal dawn ir-raġunijiet li din il-Qorti kienet tal-fehma li kellha tieqaf hawn u ma tarax għalxiex kellha tidħol f’aggravji u kwistjonijiet oħra li tqajmu mill-partijiet. B’hekk ċaħdet l-appell tal-għaqda Repubblika u kkonfermat id-deċiżjoni appellata.