Giovanni Camilleri ta’ 42 sena ma nżammax responsabbli li gwida tat-turisti weġġgħet waqt li kienet fuq dgħajsa rreġistrata fuq ismu f’Kemmuna u anke li kien hu stess li saq id-dgħajsa waqt l-inċident.
Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech, il-Prosekuzzjoni akkużat lil Camilleri li nhar id-9 ta’ Lulju tal-2022 għall-ħabta ta’ nofsinhar waqt li kien qiegħed isuq id-dgħajsa f’Kummuna ikkaġuna ġrieħi gravi fuq Zheng Wenhui, gwida tat-turisti.
Kienet Wenhui stess li wara l-inċident irraportat lil Camilleri li minħabba nuqqas ta’ ħsieb jew traskuraġni hija sofriet ġrieħi gravi. Fir-rapport li għamlet lill-pulizija l-gwida qalet li hija kienet ħadet familja ta’ ħames persuni Kummuna u dawn riedu jmorru parasailing. Hija qalet li b’kollox kien hemm 14-il persuna fuq id-dgħajsa. Stqarret li ħadd minnhom ma kien libes life jacket u ħadd ma kien qiegħed iżomm mad-dgħajsa.
Il-gwida li hija ta’ nazzjonalità Ċiniża qalet fil-Qorti li dakinhar li marret fuq id-dgħajsa kien ir-riħ u l-baħar kien imqalleb. Xehded li hija kienet bilqiegħda fuq in-naħa ta’ quddiem tad-dgħajsa.
Jirriżulta li f’daqqa waħda ċ-Ċiniża spiċċat taret fl-arja u reġgħet niżlet fuq is-seat tagħha b’sabta minħabba mewġa kbira. Bid-daqqa żviluppalha uġiegħ kbir f’daharha. Għalkemm kienu offrewlha biex tinżel l-art, hija qagħdet tistenna lill-klijenti tagħha jlestu.
Hija talbet l-assistenza tar-Hemmhekk hija talbet l-assistenza tar-rescue teams li kien hemm preżenti u dawn għamlu l-arranġamenti neċessarji biex hija tittieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-kura. Hija baqgħet l-Isptar għall-ħamest ijiem.
Hekk kif daħal ir-rapport għand il-Pulizija mill-ewwel bdew l-investigazzjonijiet tagħhom fejn sabu li d-dgħajsa kienet ta’ Giovanni Camilleri.
Waqt l-interrogazzjonijiet Camilleri qal li Zheng kienet it-tour leader ta’ nies oħrajn li kienu marru fuq id-dgħajsa tiegħu. Jgħid li ċ-Ċiniża kienet intefgħet fuq quddiem bil-wieqfa u kien wissiha kemm-il darba biex tpoġġi bi-qiegħda. Qal li wissiha mill-inqas għal 3 darbiet.
Iżda skont Camilleri Zheng qaltlu li kien kollox sew u baqgħet bil- wieqfa quddiemu. F’ħin minnhom sab rima ta’ dgħajsa li ikkaġunat mewġa. B’konsegwenza ta’ hekk Zheng waqgħet lura u giet fuq is-seat. Hija bdiet tilmenta b’uġiegħ ġo daharha. Huwa qalilha jekk riditx tmur l-Isptar iżda dak il-ħin hija rrifjutat. Camilleri ġie infurmat li kienu sejrin jinħarġu akkużi kontra tiegħu.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li ma tista’ qatt tasal għal konklużżjoni li kienet nigliġenza tal-akkużat li l-gwida sofriet ġrieħi gravi. Il-Maġistrat innota li mill-verżjoni li l-gwida tat lill-pulizija meta għamlet ir-rapport u anke waqt ix-xhieda tagħha quddiem il-Qorti, fl-ebda ħin ma allegat li l-akkużat għamel xi azzjoni li kienet il-kaġun tal-istess inċident. Il-Qorti nnutat wkoll li ma jirriżultax li Camilleri kien għaddej b’xi veloċità enormi u dan anke ġie kkonfermat mill-gwida meta kienet ġiet mistoqsija dwar dan.
Il-Maġistrat Jean Paul Grech qal li ma jistax jemmen il-verżjoni tal-gwida meta qalet li hija kienet bil-qiegħda. Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat qal li l-Qorti hija konvinta li l-vittma spiċat soffriet ġrieħi propju għaliex hija kienet bil-wieqfa fil-mument li ġiet il-mewġa li tatskoss qawwi lid-dgħajsa.
Ġie nnutat ukoll mill-Qorti li l-vittma kienet telgħet fuq id-dgħajsa bl-iskop speċifiku u uniku li tieħu r-ritratti lill-klijenti tagħha waqt l-attivita ta’ parasailing. Hija ippreżentat numru ta’ ritratti li ħadet dakinhar. Mir-ritratti ppreżentati fil-Qorti jidher ċar li dawn inġibdu min-nofs id-dgħajsa u minn persuna li kienet bil-wieqfa.
Il-Qorti qalet ukoll li fuq id-dgħajsa kien hemm diversi avviżi biex kulħadd joqgħod bil-qiegħda, iżda l-Maġistrat jgħid li l-vittma minkejja li tat diversi dettalji dwar dak li kien hemm fuq l-istess dgħajsa qatt ma rreferit għal dawn l-avviżi.
“Il-fatt li kien hemm dawn l-avviżi jindika wkoll kemm l-akkużat kien qed jieħu l-prekawzjonijiet neċessarji biex jiġu evitatiinċidenti lill-passiġġieri tiegħu,” tenniet il-Qorti.
“B’dan il-provit kollha l-Qorti ma tqisx li l-inċident kien riżultat ta’ xi aġir negliġenti tal-akkużat; anzi pjuttost huwa l-każ li l-inċident seħħ minħabba riskji li ħadet il-vittma u li fiċ-ċirkustanzi hija ma messitx ħadet,” qalet il-Qorti fis-sentenza tagħha.
Kien għalhekk li l-Qorti ma sabitx lill-akkużat ħati tal-ebda akkuża u lliberatu minnhom.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxa mill-Ispettur Josef Gauci filwaqt li d-difża ta’ Camilleri tmexxi mill-Avukata Marsette Portelli Xerri.