Saturday, December 21, 2024

“Ma jistax ikun li nibqgħu nitrattaw ta’ kriminali nies li mhumiex kriminali” – il-Ministru Owen Bonnici

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Lejlet li jittieħed il-vot fil-Parlament dwar il-liġi l-ġdida tal-kannabis, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazjoni Owen Bonnici qal li ma jistax ikun li nibqgħu nitrattaw ta’ kriminali nies li mhumiex kriminali. 

Meta kien qed jitkellem waqt programm fuq l-istazzjon nazzjonali, il-Ministru Bonnici qal li dan il-Gvern jinċentiva liż-żgħażagħ jagħmlu l-għażliet għall-aħjar interessi tagħhom però hemm realtà hemm barra li trid tiġi indirizzata.

“Qed ngħidu li jekk adult jagħżel wara li jinforma ruħu li jagħmel użu personali u responsabbli mill-kannabis, dan għandu jkollu rotta sigura u regolarizzata minn fejn jikseb il-kannabis. B’dan il-mod inkunu qed nattakkaw il-black market qed nagħtu dinjita lil ħafna nies li għal ħafna snin konna nistmawhom ta’ kriminali u fl-istess waqt qed nipproteġu l-minuri. B’din il-liġi qed noħolqu awtorità li se tirregolarizza u tipproteġi lill-minuri fis-soċjetà tagħna,’ qal il-Ministru Bonnici.

Huwa fakkar kif f’Marzu li għadda, il-Gvern nieda white paper dwar l-użu responsabbli tal-kannabis, liema proċess ta’ konsultazzjoni għalaq f’Mejju u rċevew mat-350 proposta. “Rajna x’iridu n-nies li pparteċipaw fil-konsultazzjoni u ħadna d-deċiżjonijiet. Il-PN ma ssottomettiex proposta waħda fil-proċess ta’ konsultazzjoni.

“Nixtieq li issa li wasalna fit-tarf tal-liġi, nibdew nitkellmu dwar kif se nassiguraw li l-awtorità tagħmel xogħolha sew, ikun hemm nies kompetenti fiha u jirrispettaw opinjonijiet differenti, biex kemm jista’ jkun inżommu flimkien momentum ta’ għaqda fuq dan il-punt, ħalli ma naqblux, imma rridu naqblu fuq il-bżonn li nipproteġu s-soċjetà tagħna,” tenna l-Ministru Bonnici. 

Min-naħa tiegħu, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li l-Oppożizzjoni hi kontra din il-liġi. Huwa qal li din hija liġi li min hu responsabbli m’għandux bżonn il-liġi. Fl-istess waqt allega li din qed issir għal raġunijiet oħra. “Qed ngħidu, bħalma qed jgħidu l-organizzazzjonijiet, li qed tħalli nies li biex imorru jqassmu liż-żgħażagħ tagħna jew nies oħrajn jiġu covered. Jgħidlek li qed jużaha għall-użu personali.”

Għal din l-akkuża, il-Ministru Bonnici ċċara li: “jekk inti għandek xi ħadd li għandu fil-pussess tiegħu sa seba’ grammi tal-kannabis dik hi xi ħaġa li issa tista’ ssir. Jekk xi ħadd għandu fil-pussess tiegħu gramma, nofs gramma u qed jgħaddiha lil xi ħadd ieħor dak hu traffikar li jista’ jiġi punit bil-ħabs.”

Ekonomija

1 kumment

Comments are closed.

Sport