Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, f’diskors mimli attakki fuq il-Prim Ministru Robert Abela, beda jappella lill-membri għan-naħa tal-Gvern u qal li jaf li hemm minnhom li jafu li dak li sar ma kienx tajjeb. Iddikjara li “ma jistgħux dawn jibqgħu jappoġġjaw Prim Ministru li jappoġġja l-kriminali”.
Adrian Delia fl-intervent tiegħu dwar l-estimi ta’ dħul u nfieq għas-sena finanzjarja 2020 għal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), qal li fost l-infieq hemm dak ta’ €10 miljun u dan hu l-istess ammont ta’ flus li insterqu mill-każ tal-wind farm fil-Montenegro. Dan kien hemm investiment fil-Montenegro. Il-Prim Ministru tiegħu kien rebaħ bħala l-aktar politiku korrott tas-sena. Il-Gvern li kellna sab lil Ażerbaijan u mal-Prim Ministru tal-Montenegro li kien dikjarat korrott. Kellna l-kumpanija ta’ Yorgen Fenech li xtrat kumpanija għal €3 miljun u ftit wara din il-biċċa kumpanija l-Enemalta xtratha għal €10 miljuni. Min ħareġ it-€3 miljuni ħadhom lura u €4.6 miljuni – il-profitt, tqassmu bejn 17 Black u lil Konrad Mizzi u Keith Schembri. Din l-aħbar ħarġet nhar il-Ġimgħa.”
Kien hawn li hu beda jgħajjat li “il-Prim Ministru telaq il-barra mill-Parlament”. Il-Kap tal-Oppożizzjoni, sostna li “wara li l-Prim Ministru qalilna li kien diżgustat u qal lill-Pulizija tinvestiga, is-Sibt il-Pulizija qalet li kienet infurmat lill-Kabinett b’dan u Robert Abela kien ilu jaf sitt xhur sa minn Novembru. U issa iridna nemmnu li hu diżgustat.”
“Jekk il-Prim MInistru ħeġġeġ u instiga biex min għandu informazzjoni imur minnufih għand il-Pulizija, għalfejn ma marx hu u sħabu tal-Kabinett. Għalfejn? Dawk il-kriminali li ħatfu l-Partit Laburista u Kastilja kienu se jibqgħu protetti. Dan bil-konsegwenza li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna qed tiġi ikkalpestata” qal Adrian Delia.
“Li ġara kien li qalbu l-irwoli. Issa Robert Abela Prim MInistru u Joseph Muscat konsulant. Qisna ir-Russja u dan biex iżommu kollox moħbi. Dak kien mherri u mnawwar qabel, baqa’ mherri u mnawwar issa. Għandna Prim Ministru ostaġġ b’idejh marbutin u ma jistax ineħħihom.”
Kompla jgħid li “iridu jiddeċiedu. Jafu li dak li qed isir mhux ta’ ġid għal Malta. Jafu li ma jistgħux jibqgħu jappoġġjaw Prim Ministru li jaħbi lil kriminali”.