Saturday, December 21, 2024

“Ma jriduhomx jersqu lejn it-Turkija… bżonn ta’ armata Ewropea”

Jitilqu l-aħħar ajruplani u "t-traġedja ma narawhiex aktar". It-traġedja imma se tibqa’ xi ħaġa ta’ kuljum għall-poplu Afgan

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Meta llum se jiltaqgħu l-Ministri tal-Ġustizzja u tal-Intern tal-Unjoni Ewropea, id-diskussjoni primarjament fuq l-aġenda hi dik ta-sitwazzjoni fl-Afganistan, kemm it-taqlib politiku li seħħ u anke il-kriżi umanitarja li qed tolqot lil dan il-pajjiż fuq żewġ fronti. Għandek il-kriżi ta’ nies li jinsabu mal-fruntieri lesti biex jaħarbu u l-kriżi interna fl-Afganistan. 

Jidher iżda li l-valuri li fuqhom suppost hi mibnija l-Unjoni Ewropea, jiġifieri dak tas-solidarjetà, ma tantx se jkun qed jingħata każ tiegħu f’din il-laqgħa. Filfatt sorsi li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna li “kollox qed jindika li d-direzzjoni li se tkun qed taħdem fuqha l-Unjoni Ewropea hi dik li kemm jista’ jkun ir-refuġjati u persuni oħra li jaħarbu mill-Afganistan ma jaslux sat-Turkija. Qed jimxu fuq din id-direzzjoni, għax la jaslu sat-Turkija hemmhekk se tkun problema ħafna ikbar għall-Unjoni Ewropea”. 

L-istess sorsi qalulna li l-Unjoni Ewropea se tkun qed taħdem biex iżżomm l-istess refuġjati u persuni Afgani bogħod minn pajjiżi qrib tagħha u fruntieri tagħha u ma tirrepetix l-iżball tas-sena 2015 fil-kriżi tar-refuġjati Sirjani.

L-istess sorsi qalulna li “hemm pajjiżi Ewropej, li huma ftit ħafna li qed jagħmuha ċara li l-fatt li ma jintlaqgħux refuġjati Afgani fl-Unjoni Ewropea imur kontra l-istess prinċipji tal-Unjoni Ewropea.  Ħafna pajjiżi qed jagħżlu li jibqgħu gallarija u mhux ilissnu kelma u dan għax jafu li hemm kurrent qawwi fi ħdan l-istess Unjoni Ewropea biex ir-refuġjati Afgani jinżammu l-bogħod. Biex isir dan hemm bżonn li jiżdied il-finanzjament lil pajjiżi ġirien fosthom il-Pakistan u t-Turkmekistan.”

L-istess sors enfasizzalna li quddiem dak li qed jiġri u l-kriżi li nħolqot, hemm vuċijiet fl-Unjoni Ewropea li qed jimbuttaw aktar minn qabel, il-bżonn li tinħoloq armata Ewropea.

L-istess sors qalilna li “mid-dokumenti li sa issa ġew ippreparati għal qabel din il-laqgħa, l-istati tal-Unjoni Ewropea huma determinati li jaraw li ma jkunx hemm influss ta’ refuġjati Afgani.  Hemm biża’ li jiġi ripetut dak li kien seħħ fil-kriżi tar-refuġjati Sirjani fis-sena 2015.  Il-pajjiżi llum qed jitkellmu fuq li dakinhar l-Unjoni Ewropea kienet inqabdet li mhix preparata u dan wassal għal żieda fil-popolarità tal-partiti tal-lemin estrem.”

L-istess sors qalilna li “qed isir sforz qawwi biex ikun hemm pożizzjoni waħda komuni bejn l-istati membri fil-laqgħa ta’ llum. Jidher li dan se jsir billi se tkun qed jiġi preparat sforz komuni u kordinat”.

L-istess sors spjegalna li “din il-pożizzjoni qed tinħadem quddiem rapporti li mill-Afganistan qed jaħarbu madwar 20,000 persuna kuljum. Ma’ dan għandek figuri li jgħidu u dawn maħruġin minn aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti li hemm xejn inqas minn nofs miljun persuna li jistgħu jaħarbu mill-Afganistan fil-jiem li ġejjin”.

L-UE bil-ħitan fuq il-fruntieri… għaqdiet u  organizazzjonijiet iridu fruntieri miftuħin

Waqt li fl-Unjoni Ewropea qed jaħdmu f’din id-direzzjoni, għadd ta’ organizazzjonijiet umanitarji qed ifakkru lill-Unjoni Ewropea fuq il-bażi tagħha, dik li twaqqfet fuq is-solidarjetà. Huma diversi dawk li qed isostnu li l-fruntieri għandhom jitħallew miftuħin.

Fost dawk li tkellmu b’mod ċar hemm il-Kummissjarju Għoli għar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti, Filippo Grandi li sejjaħ b’mod ċar biex il-fruntieri jibqgħu miftuħin.   Mhux hekk biss iżda hu sejjaħ lill-Unjoni Ewropea biex taqsam il-piż mal-Iran u l-Pakistan li bejniethom għandhom 2.2 miljun refuġjat. 

Filippo Grandi iddikjara b’mod ċar ħafna li “t-titjiriet minn Kabul ġew fi tmiemhom. Forsi issa it-traġedja mhux se narawha aktar. It-traġedja imma se tibda realtà ta’ kuljum għal miljuni ta’ Afgani. Ma nistgħu indawwru wiċċna naħa oħra”.

Il-Kumitat Internazzjonali tas-Salvataġġ qal li “l-Unjoni Ewropea għandha toħloq skema biex tieħu minn tla-inqas 30,000 persuna Afgana fi żmien ftit xhur. L-Unjoni Ewropea għandha tara li jinżamm id-dritt ta’ dawk li qed ifittxu l-ażil billi jaħarbu mill-Afganistan. Caritas Europe, ukoll appellat lill-Unjoni Ewropea biex ma tabbandunax lill-persuni Afgani. 

Ekonomija

Sport