Il-Fondazzjoni Women for Women diġà laħqet €2,000 f’bejgħ ta’ kalendarju speċjali
Meta omm tkun qiegħda tgħix fi tbatija, maħqura jew bla flus, it-tfal ibatu magħha. Il-problemi soċjali huma mifruxa u wieħed mill-aktar li jiddispjaċina nisimgħu dwaru huwa dak fejn hemm minuri f’sitwazzjonijiet iebsa minħabba abbuż.
F’Malta niddiskutu ħafna dwar il-vjolenza domestika u l-abbuż b’mod inġenerali fuq n-nisa u tajjeb li wieħed isemmi li bħalissa l-Fondazzjoni Women for Women għaddejja ‘kampanja ta’ ġbir ta’ fondi permezz ta’ bejgħ ta’ kalendarju speċjali bil-għan li tingħata għajnuna tant meħtieġa lil nisa u tfal vulnerabbli. Il-ġbir ta’ fondi minn dan il-kalendarju diġà laħaq madwar €2,000 u dan żgur li se jgħin lill-Fondazzjoni tkompli bil-ħidma tagħha li ta’ kull ġimgħa tgħin medja ta’ 10 ommijiet f’ċirkostanzi iebsa b’xirjiet tal-ikel, donazzjonijiet ta’ ħwejjeġ, għamara u apparat domestiku fost l-oħrajn.
“It-12-il mara magħżula spiraw lil din il-Fondazzjoni għar-reżiljenza, għad-determinazzjoni u għall-mod pożittiv li bih iħarsu lejn il-ħajja,” Fondazzjoni Women for Women
“Għal ħafna żmien għext f’dinja oħra u qatt ma mmaġinajt li hemm tant tbatija madwari u dan b’mod speċjali fost nisa u tfal. F’dawn l-aħħar snin sirt naf bi stejjer tal-biżgħa dwar abbuż fuq it-tfal, faqar u problemi ta’ saħħa fost l-oħrajn. Fl-istess ħin, però, iltaqjt ma’ nisa ta’ reżiljenza liema bħalha li minkejja kollox, bi ftit għajnuna u gwida mingħandna u mingħand il-ħaddiema soċjali, ħarġu mill-abbuż tas-sieħeb jew tal-ġenituri tagħhom”. Dan huwa l-messaġġ ta’ għarfien li qiegħda twassal Francesca Fenech Conti, fundatriċi u rappreżentanta tal-Fondazzjoni Women for Women, li qiegħda tħeġġeġ lill-pubbliku Malti jixtri l-ewwel edizzjoni tal-kalendarju “Extraordinary Women for 2022”.
F’kummment li tat lil dan il-ġurnal Fenech Conti qaltina li bħala Fondazzjoni jgħinu lil dawk kollha li jridu jgħinu lilhom infushom biex ikollhom futur aħjar u stabbli. Hija qalet li jidħlulhom ħafna każijiet b’mod partikolari dawk ta’ vjolenza domestika fuq ommijiet bi tfal żgħar li minkejja li jkunu jridu jaħdmu, dawn ma jistgħux.
![](https://talk.mt/wp-content/uploads/2021/12/FRANCESCA-Fenech-Conti.jpeg)
“Meta jkollhom iktar minn wild wieħed u dawn ikunu ta’ etajiet żgħar, huwa diffiċli mmens li taħdem jekk ma jkollokx ma’ min tħalli t-tfal u dan anke jekk hemm iċ-childcare. F’dawn iż-żminijiet jagħlqu u jekk ma ssibx min jimpjegak bil-flessibbiltà ma tkunx tista’ taħdem. Dan aktar u aktar f’każijiet fejn hemm tfal b’xi diżabbiltà,” spjegat il-fundatriċi ta’ Women for Women.
Hija qalet li fost il-każijiet li wkoll jaraw hemm dawk ta’ nisa li jiġu daharhom mal-ħajt minħabba li jiġrilhom xi avveniment mhux mistenni fosthom meta jimrad ir-raġel u hija ma tkunx taħdem.
L-ewwel edizzjoni tal-kalendarju
Il-kalendarju “Extraodinary Women for 2002” jirrikonoxxi, jispira u fl-istess ħin jagħti ħajr il-kuraġġ ta’ 12-il mara “normali” li qegħdin jagħmlu affarijiet straordinarji biex jagħmlu lill-pajjiżna wieħed aħjar.
In-nisa fir-ritratti għaddew personalment minn esperjenzi u l-azzjonijiet tagħhom għamlu impatt pożittiv fuq ħajjet ħaddieħor. Il-kalendarju fih 12-il ritratt ta’ 12-il mara f’etajiet u razez varji, li ġejjin minn ambjenti differenti u li kollha għandhom storja partikolari x’jirrakkontaw. Fost dawn hemm ir-rebbieħa tal-medalja tar-Repubblika, Ethel Vento Zahra u Caroline Galea li għenet lill-immigrant li kien imweġġa’ mitluq mal-art fil-Mellieħa – Lamin Jaiteh.
Il-Fondazzjoni Women for Women qalet li l-għażla tal-personalitajiet nisa għal dan il-kalendarju ma kinitx waħda faċli u li l-għan tiegħu huwa li jwassal il-ħidma ta’ dawn in-nisa li b’imħabba dejjem jgħinu lill-proxxmu. It-12-il mara magħżula spiraw lil din il-Fondazzjoni għar-reżiljenza, għad-determinazzjoni u għall-mod pożittiv li bih iħarsu lejn il-ħajja.
Francesca Fenech Conti, hija stess omm ta’ erbat itfal, qalet li dawn in-nisa li jidhru f’din l-edizzjoni speċjali wrewha kemm verament bħala poplu nistgħu ngħinu lil xulxin biex flimkien niżguraw li l-ulied ta’ nisa abbużati ma jkunux vittmi huma wkoll. Din ir-rappreżentanta tal-Fondazzjoni sostniet li, “aħna ngħinu lil dawn l-ommijiet imma fil-verità, qegħdin nagħmlu dan għat-tfal għax dawn huma l-futur”.
Il-Fondazzjoni Women for Women tgħin lill-ommijiet biex il-minuri jibqgħu jgħixu ma’ ommhom. Għaldaqstant, permezz ta’ din il-kampanja qiegħed isir appell għall-għajnuna li tista’ ssir f’forom differenti ta’ donazzjonijiet. Wieħed jista’ jgħin bix-xiri ta’ dan il-kalendarju; jew permezz ta’ donazzjoni żgħira ta’ kull xahar; sħubija mal-Fondazzjoni, jew inkella, għal min jippreferi, jista’ jagħmel donazzjoni ta’ darba.
Il-fotografu ta’ dan il-kalendarju hija Therese Debono.
It-12-il mara magħżulha: Alessia Bonnici; Angele Cuschieri; Caroline Galea; Ethel Vento Zahra; Karly May; Lorinda Mamo; Melissa Pace; Pamela Muscat; Patricia Graham; Serkadis Lemi; Shakira Fenech; u Solange Magri
Kull min jixtieq jgħin jista’ jagħmel dan permezz ta’: Revolut jew BOV fuq: 999 111 00; SMS: 50617922 (donazzjoni ta’ €4.66); 50619267 (donazzjoni ta’ €11.65)
Ta’ kull ġimgħa l-Fondazzjoni Women for Women tgħin medja ta’ 10 ommijiet f’ċirkostanzi iebsa b’xirjiet tal-ikel, donazzjonijiet ta’ ħwejjeġ, għamara u apparat domestiku fost l-oħrajn…