Wednesday, October 9, 2024

“Ma kontx naf bil-karnival imma llum naqbad ħafna dettalji minn wara l-kwinti”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Ninsab hawnhekk fi vjaġġ li beda fl-1989. Kont ġejt Malta mal-mara tiegħi bħala turist, iżda mhux biss ġibduli l-attenzjoni l-ġmiel ta’ xeni li joffri l-pajjiż. Għamilt żmien nistudja l-Marketing u l-Economics fost suġġetti oħra, iżda l-fotografija dejjem kellha post speċjali f’qalbi. 

Kienet koinċidenza kbira li bdejt niġbed ir-ritratti hawn minħabba l-popolarità li kisbet il-belt Valletta meta sar magħruf li din kienet se tkun il-Belt Kapitali tal-Kultura. Iżda hawnhekk niffoka fuq il-karattru uman tal-Maltin.

Il-Maltin għandhom xi ħaġa speċjali. Niftakar darba minnhom konna jien u marti u nżilna mill-karozza tal-linja viċin l-Imdina u aħna u mexjin ltqajna ma’ persuna li nnota li aħna turisti. Talabna n-numru u qalilna li l-għada kien se jċemplilna biex jagħmlilna kumpanija u jdawwarna madwar il-pajjiż. Niftakar konna tbissimna u tajnih in-numru u assumejna li ma kienx se jċempel, iżda kien ssorprendiena meta ċempel biex jgħinna bla ma kien jafna.

Meta niġbed ir-ritratti ħafna drabi nkunu biss jiena u l-ħafna apparat li sirt rinomat għalih. Nintilef jien u niġbed ir-ritratti u d-dedikazzjoni tal-artisti Maltin hija xi ħaġa li tista’ tiddeskriviha tajjeb ħafna bil-fotografija. Fil-fotografija hemm ukoll ċertu element ta’ fortuna wkoll. Mhux dejjem tkun fortunat biżżejjed biex tinzerta fil-post u fil-ħin opportun biex tiġbed ċertu ritratti, b’ċertu dellijiet jew raġġi ta’ dawl li jikkumplimentawlek xogħlok.

Ironikament jien lanqas biss kont naf bil-karnival, iżda kif qegħdin taraw madwarkom minn din l-esebizzjoni fi Spazju Kreattiv, illum għandi kollezzjoni ta’ emozzjonijiet, moviment, kuntrasti, ġenerazzjonijiet, passjoni u espressjonijiet fost ħafna aktar. Fil-karnival dawn issibhom kollha flimkien ma’ ħafna iżjed. Kelli turisti minn diversi pajjiżi madwar id-dinja li żaru din l-esebizzjoni u qaluli li minkejja li Malta hija żgħira, il-livell ta’ arti huwa ferm għoli. Jiddeskrivu l-karnival ta’ Venezja bħala monotonu minħabba li fih tara l-istess kostumi meta f’Malta għandek żeffiena li jibdlu l-kostumi u jitgħallmu żifniet ġodda. Barra minn hekk il-kostumi jkomplu jirfinaw kull sena u l-impenn ta’ dawk kollha involuti huwa xi ħaġa tal-għaġeb.

Interessanti wkoll li minkejja l-kompetittività bejn l-għaqdiet, fil-mument tal-bżonn se ssibhom għal xulxin biex jiċċelebraw din il-festa tagħhom b’mod sħiħ.”

Frank Kirchner; il-Ġermaniż li għamel minn Malta t-tieni dar tiegħu permezz tal-fotografija

Sport