Tuesday, December 24, 2024

“Ma’ kull min iltqajt faħħar lil Malta dwar il-pandemija”

Il-membru rtirat tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, Leo Brincat

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Elett fil-Parlament ta’ Malta fl-1982 fejn baqa’ jiġi elett fl-elezzjonijiet ġenerali kollha sakemm beda jservi fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), il-bankier Bormliż Leo Brincat kellu karriera parlamentari lokali twila 33 sena kif ukoll ħidma importanti ħafna fuq livell Ewropew. It-terminu tal-aħħar kariga tiegħu fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-Lussemburgu ntemm proprju f’Settembru li għadda u Talk.mt ħa l-okkażjoni li jagħmillu intervista fejn b’sodisfazzjon Brincat qalilna li kull ma’ min iltaqa’ faħħar lil pajjiżna għal mod li bih, b’reżiljenza, indirizza l-pandemija tal-Covid-19, ħaġa li għalih bħala Malti tagħmlu tassew kburi. 

Flimkien ma’ Leo Brincat nagħtu ħarsa lejn id-diversi fażijiet ta’ ħajtu fejn nibdew mill-għeruq tiegħu, tfulitu, l-edukazzjoni u l-bidu tal-professjoni tiegħu f’bank kummerċjali, inkomplu bil-karriera politika soċjal demokratika tiegħu u nieħdu wkoll stampa aktar ċara tal-ħidma intensiva li kellu bħala awditur fil-Qorti Ewropea. 

Apparti li Brincat kien Segretarju u aktar tard President tal-Kumitat Laburista ta’ San Ġwann, huwa kien il-President tal-Partit Laburista u bejnu, għal 15-il sena, serva bħala Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista, kif ukoll bħala rappreżentant tiegħu fis-Socialist International. Tul is-snin huwa stinka fis-sejħa politika tiegħu tant wasal biex serva bħala Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u wara ntagħżel darbtejn biex imexxi ministeri – dak tal-Kummerċ u l-Finanzi u sussegwentement dak għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Azzjoni dwar il-Klima.

Leo Brincat kien irreżenja minn Ministru man-nomina, li laqa’ b’mod pożittiv u b’kuraġġ, għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri f’April 2016 u mill-Parlament Malti fl-aħħar ta’ Settembru tal-istess sena, lejlet li beda jservi fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Xogħlu hawn kien ta’ importanza u ta’ impenn kbir bi sfidi partikolari iżda ta’ sodisfazzjon kbira b’rapporti li għadhom jissemmgħu fosthom il-“FRONTEX” u l-“Juncker Plan”. 

Nixtiequ nkunu nafu ftit dwarek: l-għeruq, it-tfulija, l-edukazzjoni li ħadt u x’kien ix-xogħol li kont tagħmel qabel ma bdejt mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Imwieled f’Bormla fejn trabbejt u għext sakemm kelli 21 sena, jien irċevejt l-edukazzjoni tiegħi fil-Liċeo tal-Ħamrun u kont ili naħdem ma’ bank kummerċjali minn mindu kelli 17-il sena. Dakinhar il-“Barclays Bank” kien għadu magħruf bħala Barclays DCO – Dominion Colonial Overseas. Wara servejt fi żmien it-tranżizzjoni tiegħu għal Barclays Bank International u fis-snin 70, meta sar Mid Med Bank Ltd. 

Fi tmiem il-kariga ministerjali fl-1998, kont inħtart Kap tar-Riċerka Korporattiva fid-Dipartiment tal-Istrateġija Korporattiva fi żmien li ġie privatizzat il-bank mill-HSBC Bank Malta plc. Fiż-żmien li kont naħdem il-Mid Med Bank ikkwalifikajt bħala Associate taċ-Chartered Institute of Bankers ta’ Londra u aktar tard bħala Fellow tal-istess Istitut li beda jissejjaħ l-Istitut għas-Servizzi Finanzjarji. Kont direttur tal-kumpanija Medigrain Ltd u anke Chairman bla ħlas tal-Interprint Ltd kif ukoll direttur tal-kumpanija Libyan Arab Maltese Holding Ltd fi żminijiet diffiċli meta kien hemm it-tilwima mal-Libja dwar il-Linja Medjana.

Ġejt elett fil-Parlament b’elezzjoni każwali tal-mibki Patrick Holland fl-1982 u bqajt niġi elett direttament fl-elezzjonijiet ġenerali kollha sakemm irreżenjajt biex inservi fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Karriera parlamentari ta’ 33 sena li fihom servejt bħala Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru għad-Djar u t-Tagħrif (1986-1987), Ministru tal-Kummerċ u l-Finanzi (1996-1998) u Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Azzjoni dwar il-Klima (2013-2016).

Kont strumentali biex għaddiet il-leġislazzjoni li biha ħa l-awtonomija tiegħu l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika Malti li sa dakinhar kien għadu dipartiment normali tal-Ministeru tal-Finanzi u għaddejt ukoll l-ewwel leġislazzjoni Maltija dwar il-Klima. Mexxejt il-proċess li biha twaqqfet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li sa dakinhar kienet għadha biss fergħa tal-Awtorità għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Fuq livell parlamentari, kont membru sa mit-twaqqif tiegħu u għal leġiżlatura sħiħa bħala Chairman tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) u għal bosta snin kont membru attiv tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet Barranin u Ewropej. Qabel Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea, servejt sa mill-bidunett bħala membru tal-Malta-EU Joint Parliamentary Committee (JPC). Il-ħidma parlamentari tiegħi kienet tinkludi wkoll bħala membru u anke l-kap tad-delegazzjoni Maltija tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, membru attivi tas-sottokumitat tiegħu dwar il-Lvant Nofsani u anki membru ta’ assemblej parlamentari bħall-OSCE u l-Union for the Mediterreanean (UFM). F’dawn l-organizzazzjonijiet kont membru rapportatur bosta drabi: mir-relazzjonijiet tal-Parlament tal-Libanu mal-Kunsill tal-Ewropa għal studju dwar il-ħruxijiet fi żmien il-ħakma faxxista ta’ Franco fi Spanja. 

Fir-ritratt: Leo Brincat

Wara li rtirajt mill-karriera twila bankarja fl-2006, għal xi snin, għamilt xogħol ta’ konsulenza maniġerjali fuq bażi freelance fis-settur korporattiv dwar il-kontrolli finanzjarji interni u compliance.

Fuq livell politiku, apparti li kont Segretarju u iktar tard President tal-Kumitat Laburista ta’ San Ġwann, kont President tal-Partit Laburista bejn l-1978 u l-1981 u servejt għal 15-il sena bħala Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista kif ukoll bħala rappreżentant tiegħu fis-Socialist International. Jien irreżenjajt minn Ministru man-nomina għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri f’April 2016 u mill-Parlament Malti fl-aħħar ta’ Settembru tal-istess sena, lejlet li bdejt inservi fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri fil-Lussemburgu.


Qatt stennejt li se tkun tokkupa kariga bħal din?

Meta ġejt avviċinat mill-Prim Ministru bħala kandidat prospettiv għall-kariga ta’ membru tal-QEA, ilqajt l-offerta b’mod pożittiv minkejja li kont naf li kien se jkolli ntemm ħesrem karriera parlamentari twila ferm. Nistqarr li ħassejt  sodisfazzjon kbir u sens qawwi ta’ kuraġġ quddiem l-isfida li kelli quddiemi.

Tagħtina dettalji ta’ ħidmietek fil-Qorti Ewropea u liema kienu l-aktar xogħlijiet ta’ sfida għalik? 

Bla dubju ta’ xejn  ir-rapport dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI) magħruf aħjar bħala “Juncker Plan” proprju fi żmien meta l-President Juncker kienu għadu fit-tmexxija tal-Kummissjoni Ewropea, kif ukoll ir-rapporti kollha li kelli dwar il-migrazzjoni speċjalment dak dwar il-FRONTEX li għadu jingħata għarfien u pubbliċità sal-lum minħabba l-għadd ta’ problemi li saqqfet wiċċha magħhom din l-organizzazzjoni, kif ukoll ir-rapport speċjali dwar l-ażil, ir-riallokazzjoni u r-ritorni tal-migranti minħabba s-sensittività tas-suġġett flimkien ma’ ieħor dwar l-immaniġġjar tal-migrazzjoni u l-qagħda fil-hot spots (Greċja, Italja) li ħaditni on site f’postijiet jaħarqu ħafna bħal Samos fil-Greċja fost oħrajn fejn sibt seba’ darbiet aktar immigranti milli kien jiflaħ il-kamp nnifsu. 

Kull kariga jew proġett għandhom l-isfidi tagħhom iżda jkun żbaljat min jaħseb li Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri huwa biss responsabbli għal rapporti speċjali u audits dwar suġġetti jew oqsma partikulari. Matul is-sitt snin tat-terminu tiegħi, jien kont ġejt magħżul għal bosta dmirijiet ta’ responsabbiltà kbira fosthom:

  • Membru alternattiv tal-Kumitat tal-Etika tal-Qorti;
  • Membru tal-Kumitat tal-Kontroll tal-Kwalità tal-Audits tal-Qorti;
  • Rappreżentant uffiċjali tal-Qorti biex ġie stabbilit EUROSAI Project Group dwar l-Awditjar bħala tweġiba għall-isfidi tal-pandemija tal-Covid-19;
  • Chairman ta’ Knowledge Node Group bħala sorsi ta’ dati fost iċ-Chambers kollha tal-Qorti dwar dak li kien qiegħed jiżviluppa fid-dawl tal-pandemija b’impatt dirett fuq ħidmet il-Qorti nnifisha; 
  • Membru tal-grupp ta’ ħidma dwar il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;
  • Membru tad-Digital Steering Committee tal-Qorti;
  • Membru tal-Grupp ta’ Riflessjoni dwar il-Future Foresight tal-Qorti fejn kellna l-inkarigu li nipprovaw nindikaw dawk l-oqsma l-iktar topiċi u sensittivi li setgħu jitilgħu fuq ir-radar Ewropew u anki globali fil-ġejjieni. Xogħol li ħadna mhux biss f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej, iżda wkoll fl-Istati Uniti fejn ħdimna mill-qrib mal-Government Accountability office (GAO) li huwa kompletament indipendenti mill-amministrazzjoni tal-ġurnata fl-Istati Uniti.

Kemm għandhom saħħa l-Awdituri biex jagħmlu dik id-differenza?

Ħafna għandhom l-idea żbaljata li ħadd ma jagħti każ ir-rapporti li jsiru mill-ECA. Iżda, minkejja li bħall-uffiċċji nazzjonali tal-verifika fl-istati membri aħna m’għandniex poteri eżekuttivi, nista’ nserraħlek rasek li l-istituzzjonijiet Ewropej jiflu r-rapporti tagħna b’reqqa liema bħalha. 

Dan b’mod speċjali li llum qegħdin nikkoperaw mill-qrib aktar minn qatt qabel fil-ġlieda kontra l-frodi u l-abbużi mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (EPPO) u l-OLAF b’mod kumplimentari ma’ xulxin. Il-ħidma konġunta mal-uffiċċji nazzjonali tal-verifika dejjem baqgħet tintensifika tul is-snin. 

Hawnhekk, nixtieq nuri l-apprezzament tiegħi u tat-tim tiegħi għall-mod eżemplari kif ħadmu magħna l-Uffiċċju Malti tal-Awditur Ġenerali kemm fuq livell tal-Awditur Ġenerali nnifsu u d-Deputat Awditur Ġenerali kif ukoll it-tim formidabbli ta’ awdituri u investigaturi li għandhom. 

Filwaqt li l-ko-operazzjoni bejn l-ECA u l-Awditur Generali Malti ilha teżisti snin sħaħ, aħna tajniha spinta ġdida u kbira permezz ta’ konferenzi annwali li organizzajna ta’ kull sena kemm f’Malta, kif wkoll online waqt il-pandemija b’suġġetti topiċi li qanqlu interess mhux biss fost il-ħaddiema tal-NAO Malti, iżda wkoll fost il-membri tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubblici Malti u anke fost l-għola uffiċjali fis-servizz pubbliku. 

Spiss, anke fuq livell ta’ Segretarji Permanenti, kont anke għamilt preżentazzjoni għal dawn tal-aħħar ġewwa l-OPM biex nagħmilhom aktar konxji tal-importanza tal-ħidma tagħna ħalli jkunu jistgħu jadottaw l-aħjar prattiċi fit-tmexxija tal-Ministeri rispettivi tagħhom. 

Taħseb li hemm biżżejjed żgħażagħ li jafu, jistudjaw u jridu kariga bħalma kellek inti? Għala? X”tissuġġerixxi?

Kontra qalbi jkolli nistqarr li minkejja l-isforzi ta’ ħafna, tagħna inkluż, l-għarfien dwar l-opportunitajiet fil-Qorti Ewropea tal-Awdituri f’pajjiżna għadu baxx ħafna kif rifless min-numru verament żgħir ta’ nies li japplikaw biex jingħaqdu magħna. Dnub, għax Mallta mhiex nieqsa minn awdituri u accountants żgħar fl-età ta’ livell u kalibur għoli.

Fuq inizjattiva tiegħi konna nedejna programm ta’ koperazzjoni bejn il-Qorti u l-Università ta’ Malta li kellu jieqaf  f’ħidimietu għal xi żmien minħabba l-pandemija iżda  ppruvajna nagħtuh spinta proprju ftit tax-xhur ilu. 

Nawgura, sinċerament, li din il-ħidma sfieqa tiġi intensifikata fil-ġejjieni, kif jagħmlu pajjiżi oħrajn. Jekk ma jkunx hemm għarfien biżżejjed dwar l-opportunitajiet, ħadd m’għandu jlum lil dawk li jżommu lura milli japplikaw. Jisgħobbija li dan jgħodd ukoll għal ħafna istituzzjonijiet Ewropej oħra għax lil hinn mit-tradutturi Maltin u Għawdxin li qegħdin jagħmlu xogħol mill-aqwa fl-istituzzjonijiet kollha, milli ninsab infurmat anke f’dawn l-istituzzjonijiet, ir-rappreżentanza Maltija, minkejja s-snin li ilna membri sħaħ fl-UE, għadha baxxa kullimkien.

Issa li m’għadekx membru tal-Qorti tal-Awdituri tal-UE, x’inhuma l-proġetti futuri professjonali u dawk personali?

F’dan l-istadju m’għandi l-ebda pjani.

Xtaqna kummenti mingħandek dwar l-effetti tal-Brexit kif ukoll tal-Gwerra fl-Ukrajna.

Bħala awdituri mhux suppost nagħtu opinjonijiet imma rimarki biss dwar dak li nsibu fl-audit ibbażat fuq il-fatti mgħarbla. Iżda, llum li m’għadnix membru, il-kummenti strettament personali tieghi huma dawn li ġejjin: 

Jekk Brexit irnexxietx jew le sta għall-poplu Ingliż u l-Gvern biex jaslu għall-konklużjonijiet tagħhom wara deċiżjoni sovrana mittieħda minnhom. 

Dwar il-gwerra fl-Ukrajna, ebda aggressjoni, gwerra, jew invażjoni ma tista’ qatt tkun iġġustifikata. Fl-istess ħin inkun qiegħed nonqos jekk ma nsemmix ir-riperkussjonijiet ħorox li qiegħed ikollha mhux biss fil-kuntest ta’ dawk direttament maqbuda fil-konflitt, imma anke minħabba l-impatt qawwi u l-inċertezza kbira li din ħolqot kemm fl-Ewropa, kif ukoll fil-kumplament tad-dinja. Riperkussjonijiet kbar mhux biss ġeopolitiċi iżda wkoll ekonomiċi, soċjali u ta’ migrazzjoni. 

L-Istorja wrietna li kważi kull kunflitt sal-lum  ġie riżolt madwar mejda. Biss, din id-darba, l-ikbar dilemma tidher li hija li ħadd donnu m’għandu ħjiel sew ta’ meta, kif u jekk dan huwiex se jsir.

Finalment, inti li kont fil-qalba tat-tmexxija tal-Blokk Ewropew, kif delegati u membri bħalek jaraw lil pajjiżna? U inti, personalment, x’taħseb dwar l-affarijiet kurrenti u s-sitwazzjoni preżenti f’Malta?

F’dawn l-aħħar sentejn il-pandemija tal-Covid-19 iddominat id-diskussjoni u l-fokus f’kull pajjiż, inkluż pajjiżna. Li nista’ ngħid, b’wiċċi minn quddiem, huwa li ma’ kull min iltqajt, huma x’inhuma l-fehmiet tagħhom, dawn kellhom kliem ta’ tifħir għal mod reżiljenti ta’ kif pajjiżna indirizza b’mod effettiv din il-pandemija.

Ekonomija

Sport