Friday, November 15, 2024

“Ma’ kull okkażjoni l-PN għolla l-kontijiet … aħna xammarna l-kmiem biex nassiguraw stabbiltà”

Ma tgħaddix mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-mozzjoni li ressaq l-Oppożizzjoni biex ikunu emendati l-Avviżi Legali 243 u 244 tal-2022 dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma m’għaddietx mill-Parlament.

Min-naħa tagħha, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli qalet li kuntrarjament għal Gvernijiet preċedenti Nazzjonalisti, dan il-Gvern qatt ma qal lin-nies li l-kontijiet għoljin iridu jidrawhom. 

“Qatt m’għidna li l-proposta ta’ roħs fid-dawl u l-ilma hi gimmick, iżda minflok xammarna l-kmiem u ħdimna lejl u nhar biex nassiguraw stabbilità fil-prezzijiet”

Miriam Dalli

Hija fakkret li l-unika ħaġa li nbidlet mill-avviż legali li daħħal Gvern Nazzjonalista fl-2009 sal-lum, kienet li l-kontijiet roħsu b’25%. Qalet li anke r-rapport tal-Awditur Ġenerali jikkonferma kif il-kontijiet illum jinħadmu bl-istess mod li dejjem jinħadmu. 

Hija enfasizzat li “rranġajna sitwazzjoni li ħoloq Gvern Nazzjonalista preċedenti wara ħidma teknika u legali biex emendajna dan l-Avviż Legali. Ħidma legali li kienet meħtieġa għax l-ARMS dejjem ħadmet il-kontijiet skont il-liġi tal-2009.”

“Kieku ma ħadniex il-pass deċiżiv li nidħlu għall-familji u n-negozji kif għamilna, kieku l-inflazzjoni llum kienet tqarreb l-14%. Kieku llum mhux nitkellmu fuq żieda tal-għoli tal-ħajja ta’ €10 fil-ġimgħa, imma kien ikollna nagħtu żieda tal-għoli tal-ħajja ta’ €25 fil-ġimgħa b’detriment għall-ekonomija, l-intrapriża u l-ħaddiema.”

Żiedet tgħid li “pajjiżi madwarna jgħollu l-kontijiet u jaraw kif se jobbligaw lill-konsumaturi biex inaqqsu l-użu tal-enerġija; u aħna għax qed naħdmu l-ħin kollu qed nimplimentaw il-wegħdiet li ghamilna u niffukaw fuq aktar investimenti fis-settur tal-enerġija. 

“F’Malta bid-deċiżjoni li ħadna bħala Gverrn qed niffrankaw lill-familji tagħna medja ta’ €2,000 fis-sena”

Miriam Dalli

“It-tieni interconnector, il-hydrogen ready pipeline, pjanijiet ambizzjużi fis-settur tal-enerġija rinovabbli. Dawn u aktar huma t-triq li ghandna quddiemna,” tenniet il-Ministru Dalli.

Kien hawn fejn elenkat il-viżjoni tal-Gvern għas-settur tal-enerġija, l-ewwel billi tkun assigurata l-affordabilità u allura jinżammu l-prezzijiet stabbli.

It-tieni, li jkun aċċertat is-sigurtà fil-provvista tal-enerġija, anke b’sistema tad-distribuzzjoni b’saħħithom. It-tielet, permezz tad-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija. Ir-raba’, li jkun hemm hemm settur tal-enerġija bl-anqas tniġġiż possibbli u fl-aħħar nett li l-konsumaturi jibqgħu fiċ-ċentru tal-istrateġija tal-Gvern. 

Dwar l-investiment fir-rinovabbli, il-Ministru Dalli semmiet li jekk fl-2012 kellna ferm inqas minn 3% tal-enerġija ġejja mir-rinovabbli, illum dik il-figura qabżet il-11% b’219-il MV tar-rinovabbli.

Finalment, hija qalet li meta n-nies jgħidulhom li se jagħtuhom serħan il-moħħ lilhom isib. “Għax faċli tparla… imma r-realtà hi li meta kellu l-okkażjoni, il-Partit Nazzjonalista għolla l-kontijiet,” tenniet il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intapriża.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-mozzjoni kienet intiża biex kull min skontu  nsteraq mis-sistema tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma jkun jista’ jieħu lura mhux biss il-flus li ħallas żejda fl-2022 iżda anke dawk li allegatament ħallas żejjed fis-snin ta’ qabel. 

Fid-diskors tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-poplu għandu jingħata lura dak li allegatament insteraq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. 

Grech qal li bħala Oppożizzjoni kienu qed jinsistu fuq dak li hu ġust, fuq dak li bi dritt għandu jieħu lura l-poplu Malti. Qal ukoll li din il-mozzjoni kienet mibnija biss fuq il-ġustizzja u li din il-kwistjoni tal-kontijiet qiegħda taffettwa l-kwalità tal-ħajja tal-poplu.

Ekonomija

Sport