Friday, December 13, 2024

“Ma neskludix il-fatt li nitfa’ n-nomina għal President tal-ASA”

Il-Viċi President tal-ASA, Carlo Mifsud

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tie­għek lejn il-waterpolo?

Din l-imħabba bdiet sa minn meta kont tifel. Kont ninżel il-pitch ta’ San Ġiljan fejn apparti li kont ngħum hemmhekk, kont ukoll nilgħab magħhom.

Lgħabt sa meta kelli 18-il sena mbagħad bdejt ninteressa ruħi fl-amministraz­zjoni u anke fil-coaching. Il-waterpolo minn dejjem kien għal qalbi u hu sport li ili nikkontribwixxi fih għal dawn l-aħħar snin.

Kemm tgħallimt fl-amministrazzjoni ta’ San Ġiljan fejn servejt bħala segretarju?

M’hemmx dubju li tgħallimt ħafna fiż-żmien meta kont segretarju ta’ club kbir bħalma hu San Ġiljan. Il-waterpolo minn dejjem kien jogħġobni u kien ta’ sodisfazzjon kbir li tajt il- kontribut tiegħi lill-klabb bħal San Ġiljan.

Biex ngħidlek il-veritá jien minn dejjem kien jogħġobni l-isport in ġene­rali fejn kont ukoll involut fil-basketball bħala president ta’ Siġġiewi apparti li kont nikkowċja fil-football ma’ clubs żgħar u meta kont ngħix l-Ingilterra għa­milt il-badges mal-FA Ingliża u kont nikkowċja ti­mijiet taż-żgħażagħ.

Madankollu l-waterpolo hu sport ferm għal qalbi u apparti li kont segretarju ta’ San Ġiljan, f’dawn l-aħħar snin qed nokkupa l-kariga ta’ viċi-president tal-Aquatic Sports Association (ASA). 

Dan hu rwol ferm għal qalbi għax issa flimkien ma’ sħabi nista’ nikkontrib­wixxi sabiex inkomplu nkab­bru l-logħba tal-waterpolo u sport akwatiku f’pajjiżna.

X’responsabbiltà tinvolvi li tkun viċi president tal-ASA?

Jien involut fl-amministrazzjoni iżda fl-istess waqt nieħu ħsieb ukoll l-iżvilupp ta’ din il-logħba li tant hi popolari b’mod partikolari fix-xhur tas-sajf.

Ovvjament irrid nattendi diversi laqgħat speċjalment tal-kunsill. Huwa xogħol metikoluż ħafna iżda li fih ħafna sodisfazzjon. 

Dan l-aħħar kellna riżenja fl-Eżekuttiv fejn wieħed mill-viċi-presidenti ma setax ikompli fil-kariga. Hu għalhekk li jien flimkien ma’ sħabi assumejna din ir-responsabbiltá. 

Ma kinitx biċċa xogħol faċli iżda dejjem ħdimna qatigħ filwaqt li mxejna bħala team magħqud sabiex ix-xogħol joħroġ dej­jem kif suppost. Assumejt ir-responsabbiltá li norganizza l-logħob kollu tal- juniors u anke dak tan-nisa. Qed nieħu wkoll ħsieb l-allokazzjoni tat-traning slots lill-clubs kollha. Dan kollu huwa ta’ sodisfaz­zjon għalija għax ressaqni iktar viċin il-clubs.

Hawn irrid insemmi l-għaqda kbira li għandna fl-ASA u dan kollu ġie rifless fix-xogħol u t-titjib li sar.

Kemm taħdem mill-qrib mal-president tal-ASA Joe Caruana Curran?

Nista’ ngħid li nitkellem ħafna ma’ Joe Caruana Curran. Hu għandu esperjenza vasta fl-isport minħabba li kien involut fil-football bħala president ta’ Valletta kif ukoll fil-federazzjoni tas-snooker. Hu bniedem li tiddiskuti ħafna miegħu u li żgur wieħed jista’ jgħid ħafna affarijiet pożittivi fuqu u li tista’ titgħallem minnu. 

Hu fatt magħruf li fil- jiem li għaddew huwa esprima x-xewqa mhux biss li ma jikkontestax il-kariga ta’ president fl-elezzjoni li se ssir f’Novembru li ġej iżda wkoll li jieqaf minn dan ir-rwol. Wieħed għad irid jara x’se jiġri fil-jiem li ġejjin.

Nitkellmu issa dwar il- Pixxina Nazzjonali f’Tal- Qroqq. Hu fatt magħruf li pixxina waħda mhux biż­żejjed minħabba li din qed tiġi użata minn numru ta’ clubs u assoċjazzjonijiet akkwatiċi oħra. Kemm taqbel ma’ din id-dikjarazzjoni?

Naqbel mija fil-mija ma’ dak li għadek kemm għedt. Irridu ngħidu wkoll li SportMalta qed tagħmel ħafna xogħol sabiex ikun hawn aktar faċilitajiet akwatiċi madwar il-pajjiż. Hu veru li bħalissa ninsabu limitati iżda veru wkoll li bil-mod il-mod qed jiż­diedu l-faċilitajiet tal-għawm. Wara li nfetħet il-pixxina ta’ Birżebbugia u riċentement dik tas-Sirens, hemm ippjanat ukoll li jkun hemm faċilitá fil-Kottonera u oħra f’Għawdex, li dawn ser ikunu indoor.

B’hekk b’xi mod din il-pressjoni se tonqos u fl-aħħar il-clubs ikunu jistgħu jitħarrġu għal aktar ħin u b’numru akbar.

Taħseb li hemm bżonn li jkun hemm aktar marketing min-naħa tal-ASA sabiex jattiraw aktar tfal u żgħażagħ lejn dan l-isport?

Bla dubju li l-marketing hu ferm importanti sabiex tara aktar nies jipprattikaw dan l-isport. Avolja llum il-ġurnata bil-media soċjali storja li tiġi ppubblikata tintesa’ malajr. Madankollu hu veru li rridu nwasslu aktar il-messaġġ tagħna sabiex il-futur tal-waterpolo jibqa’ jkun dejjem sabiħ bħalma hu l-preżent.

Nerġgħu nitkellmu dwar id-dikjarazzjoni li ħareġ is-sur Joe Caruana Curran fejn ħabbar li jixtieq jerħi l-kariga ta’ president. Kontu qegħdin tistennewha?

Biex inkun onest mie­għek ma konniex qed nistennew dan kollu. Anzi ħsibna li kien se jkun qed jikkontesta għal perjodu ieħor. 

Tajjeb ngħidu li sar ħafna xogħol kemm ilu president hu u t-titjib li rajna f’dawn l-aħħar snin kien wieħed pożittiv. Resqin lejn elezzjoni f’Novembru 2022 u fuq kollox lejn iċ-ċentinarju tal-Assoċjaz­zjoni fis-sena 2025 u l-Logħob tal-Pajjizi ż- Żgħar li se jsiru proprju f’pajjiżna fl-2023, u għalhekk hemm ħafna affarijiet sbieħ li ġejjin. Irridu nkomplu ntejbu fuq it-taj­jeb li sar u persważ li hekk se jsir.

Jista’ jkun li forsi l-fatt li l-president tal-LEN, Paolo Barelli, ma ġiex ikkonfermat setgħet influwenzat id-deċiżjoni tiegħu?

Jista’ jkun ukoll. Fil-fatt is-Sur Joe qalilna li jinsab iddispjaċut li Barelli ma ġiex ikkonfermat fil-kariga tiegħu fit-tmun tal-LEN.

Madankollu, hu baqa’ leali lejh, għalkemm jista’ jkun ukoll li qed iħoss li mhux il-clubs kollha qed jappoġġjawh mija fil-mija.

Madankollu għad naraw lilek bħala l-president tal-ASA?

Ħa ngħidu hekk … mhux sigriet li jien nixtieq intej­jeb il-pożizzjoni tiegħi fl-isport akwatiku.

Madankollu għalissa għad m’hemmx vakanza għal dan il-post u għalhekk wieħed irid jara x’se jiġri aktar ‘il quddiem. Naf li mhux xogħol faċli li tkun fl-amministrazzjoni tal-assoċjazzjoni għalkemm bħal­issa hu żmien ta’ riflessjoni u ż-żmien jagħtina parir. 

Iżda jekk is-Sur Joe jiddeċiedi li jieqaf u jkolli l-appoġġ tal-clubs, li diġá ftit minnhom kellmuni, iva nkun interessat għax għandi pjan estensiv u li jista’ jitwettaq u jtejjeb l-isport akwatiku f’pajjiżna.

Nixtieq twassal messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fl-isport akwatiku.

Irridu ngħidu li l-isport akwatiku laħaq livelli ġodda. Fil-fatt apparti s-suċċessi li ksibna fil-waterpolo fejn ikkwalifikajna b’mod konsekuttiv għall-Kampjonati Ewropej, qed niksbu riżultati interessanti fl-għawm normali u l-għawm artistiku. 

Qed inġibu rekords ve­rament sbieħ u dan jawgura tajjeb għall-futur. 

Jien nammira ħafna lil dawk l-għawwiema li jbakkru u jkunu l-pixxina naz­zjonali f’Tal-Qroqq fil-5.00 am sabiex jitħarrġu. Jien ma naraha fl-ebda sport ieħor u dan kollu hu xi ħaġa ta’ min isemmiha.

Fl-aħħar mill-aħħar min jipprova sport akwatiku se jikseb sodisfazzjon kbir. Barra minn hekk, hemm ukoll il-lat fiżiku tal-persuna fejn jekk tieħu dan l-isport bis-serjetá u anke jekk tieħdu bħala passatemp, se tkun aħjar psikoloġikament.

Ekonomija

Sport