Waqt konferenza stampa li ġiet indirizzata llum nofhsihnar fi Pjazza San Ġorġ fil-Belt Valletta, indirizza lil dawk preżenti l-attur ċelebri Russell Crowe.
Russell Crowe se jkanta f’kunċert bl-isem ta’ Indoor Garden Party flimkien mal-band tiegħu The Gentlemen Barbers, flimkien mal-mistednin speċjali Janet Devlin u Lorraine O’Reilly proprju llum fl-istess pjazza fit-8pm. Bħala ‘supporting acts’ se jkollu lill-kantanti Maltin Ivan Grech, Ira Losco u Beth. Dan qabel jingħata bidu għall-Mediterrane Film Festival.
The Indoor Garden Party, li ġie oriġinat minn Russell Crowe u Alan Doyle, huwa ġabra ta’ kittieba tal-kanzunetti, kantanti u mużiċisti li jdoqqu gigs okkażjonali madwar l-Istati Uniti. Il-Mediterrane Film Festival se jsir bejn il-25 u t-30 ta’ Ġunju, li se jkun qed jesponi stejjer u talenti diversi minn disa’ pajjiżi tal-Mediterran.
Huwa qal li kull darba li jżur pajjiżna jibqa’ impressjonat bis-seħer tagħha speċjalment fejn jidħlu ospitalitá, arkitettura u ikel. Mistoqsi minn dan il-ġurnal jekk jikkonsidrax li jirtira f’pajjiżna meta jikkunsidra l-imħabba kbira li għnadu għal Malta, huwa qal li ma jeskludix dan.
Huwa qasam l-affezzjoni tiegħu lejn Malta, u qal li, “Huwa post tal-għaġeb. Il-bini, il-pjazez, in-nies, irrid nerġa’ lura. Inħoss li jien iż-ziju ta’ kulħadd!
Stqarr li: “Il-Malta Film Commission qed tagħmel xogħol mill-aqwa. Qed jibqgħu aġġornati mat-teknoloġija u jippromwovu lil Malta internazzjonalment”.
Intant, indirizzaw lil dawk preżenti wkoll il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Tourism Authority (MTA) Carlo Micallef u l-Kummissarju tal-Films ta’ Malta Johann Grech, li lkoll qalu li żjarat fostna ta’ personalitajiet kbar bħal Russell Crowe jagħmlu reklam mill-isbaħ għal pajiżna. Huma tennew l-appoġġ kontinwu tagħhom biex ikomplu jsaħħu l-industrija ewlenija tat-turiżmu f’pajjiżna.
Il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li, “Dan l-avveniment huwa dikjarazzjoni għall-influwenza li qed tikber ta’ Malta fl-industrija globali tal-films u l-mużika. Ninsabu ferħanin li nilqgħu artisti internazzjonali u nesponu t-talent lokali tagħna mad-dinja.”
Il-Kummissarju tal-Films ta’ Malta Johann Grech stqarr li, “L-imħabba ta’ Russell Crowe lejn gżiritna hija magħrufa sew, u hija reċiprokata min-nies ta’ Malta. Il-Indoor Garden Party tiegħu jiċċelebra din l-affezzjoni reċiproka u juri r-rabtiet b’saħħithom bejn Malta u l-industrija globali tal-films.”
Il-Mediterrane Film Festival għandu l-għan li jrawwem kollaborazzjoni, tkabbir, u opportunità għall-produtturi tal-films filwaqt li jippromwovi l-wirt kulturali għani ta’ Malta u r-rwol tagħha bħala hub tal-films ta’ klassi dinjija. Il-Mediterrane Film Festival se jkun avveniment annwali li jiċċelebra l-istejjer, it-talenti u l-kulturi diversi ta’ disa’ pajjiżi tal-Mediterran.
Għal aktar informazzjoni dwar il-Mediterrane Film Festival, żur mediterrane.com.