Sunday, May 5, 2024

Aktar minn tliet kwarti minnhom jimpjegaw ħaddiema barranin

L-OPERATURI TAT-TURIŻMU F’GĦAWDEX...

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Studju li sar mill-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex (GTA) ħareġ fiċ-ċar li l-maġġoranza tal-operaturi fis-settur tat-turiżmu fil-gżira ġara jimpjegaw ħaddiema barranin. Fil-fatt 77% minn dawn l-operaturi, fosthom membri tal-istess Assoċjazzjoni, ikkonfermaw din is-sitwazzjoni għal dawn l-aħħar tliet xhur.

Dan l-istudju sar bil-għan li jkollna stampa aktar ċara dwar is-sitwazzjoni tar-riżorsi umani fis-settur turistiku ta’ Għawdex kif ukoll biex isiru magħrufa l-isfidi jew il-limitazzjonijiet li dawn l-istabbilimenti qegħdin jiffaċċjaw. Is-setturi li pparteċipaw jinkludu fost l-oħrajn dawk tal-akkomodazzjoni, ristoranti, ċentri għall-għaddasa, attrazzjonijiet turistiċi, dawk tat-trasport, operaturi tat-tours u aġenziji tal-ivvjaġġar.

Aktar minn nofs il-parteċipanti (60%) iddikjaraw ukoll li għadhom isibu diffikultajiet biex iħaddmu nies ġodda. Dan filwaqt li l-operaturi f’Għawdex ipproponew li jkun hemm inċentivi fiskali għall-impjegati fis-settur turistiku, kif ukoll li ma jkunux impjegati nies bla bżonn fis-settur pubbliku.

Problema u ostaklu – il-burokrazija żejda
Waħda mill-akbar diffikultajiet espressi f’dan l-istudju hija l-burokrazija żejda (61%) biex jinħarġu l-permessi tax-xogħol meħtieġa. Din, skont il-parteċipanti, hija l-akbar problemi u ostaklu li qegħdin isibu meta jiġu biex jimpjegaw ħaddiema barranin.

Meta mistoqsija x’inhuma l-iżvantaġġi li hemm meta jimpjegaw ħaddiema barranin, 41% tal-operaturi f’Għawdex qalu li dawn ma jkunux mħarrġa f’livell bażiku għax-xogħol li jiġu impjegati fih. Fost diffikultajiet oħra ssemmgħu l-problemi li l-ħaddiema barranin ma jibqgħux fl-impjieg għal żmien twil u dik li fosthom hemm min ma jafu il-lingwa Ingliża.

Tagħrif ieħor li nġabar huwa dwar jekk l-istabbilimenti jeħtieġux tisbieħ jew rinovament fejn irriżulta li aktar minn nofs il-parteċipanti – 56% – irrispondew fl-affermativ. Aktar minnhekk, minn dawn, 70% minnhom stqarru li m’humiex f’pożizzjoni finanzjarja li jagħmlu dawn ir-rinnovamenti jew tisbiħ meħtieġ. Qalu wkoll li l-pagi, it-tiswijiet u t-tiġdid, kif ukoll il-prezzijiet tal-ikel u x-xorb huma l-akbar tliet spejjeż operattivi li żdiedu konsiderevolment fis-settur tagħhom.

Studju biex isiru l-proposti u jissaħħaħ is-settur
Finalment dawn ġew mistoqsija dwar il-previżjonijiet tagħhom għall-bqija ta’ din is-sena fejn 25% qalu li qegħdin jistennew li jkun hemm titjib mis-sena preċedenti; 38% qalu li n-negozju se jibqa’ fl-istess livell tal-2022; mentri 37% jaħsbu li din is-sena se jiġġeneraw inqas.

Issaa, b’dawn ir-riżultati l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex se tkun f’pożizzjoni li tagħmel proposti lill-awtoritajiet kompetenti ħalli jkunu jistgħu jiġu indirizzati d-diffikultajiet imsemmija. Dan bil-għan li jkun imsaħħaħ is-settur turistiku f’Għawdex.

Sport