Friday, July 19, 2024

MA NGĦADDSUX RASNA FIR-RAMEL

Aqra wkoll

Quddiem realtà fejn għandna adoloxxenti ħalib ommhom fi snienhom li jagħtu kunsens biex ikollhom x’jaqsmu f’etajiet taħt is-16-il sena, m’għandniex ngħaddsu rasna fir-ramel. M’għandniex inġibu ta’ bir-ruħna li qisu mhu jiġri xejn. F’każ riċenti f’qorti tal-minuri bdiet tbaqbaq il-borma dwar jekk l-età tal-kunsens sesswali għandhiex tinżel għal 14-il sena. Dan meta din, sa ftit ilu, kienet tirrikjedi kunsens f’età adulta, jiġifieri 18-il sena.

Hawn qegħdin naraw li s-soluzzjoni qisha hija li ladarba jagħmlu, ejja ħa nagħtuhom il-permess li jagħmlu. M’aħniex naraw għala l-adoloxxenti tagħna qegħdin ifittxu l-intimità minn kmieni u lanqas m’aħna nedukawhom fir-rigward. Qegħdin ngħaddsu rasna fir-ramel.

Kull pajjiż bir-regoli tiegħu. Jekk wieħed iħares lejn pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropea l-etajiet tal-kunsens ivarjaw bejn l-14 sa 18-il sena. Il-maġġoranza tal-pajjiżi għażlu etajiet ta’ bejn l-14 u s-16. Fost il-pajjiżi li l-età tal-kunsens hija bħal tagħna hemm Spanja, in-Norveġja u r-Renju Unit. Imbagħad hemm pajjiżi li din hija inqas fosthom Franza u l-Isvezja (15) mentri fl-Italja, fl-Awstrija, fil-Ġermanja u fis-Serbja, l-età tal-kunsens tinżel għal 14-il sena. Huma erba’ pajjiżi biss l-liġi tagħhom titlob li l-kunsens huwa ta’ aktar minn 16-il sena. Dawn huma ċ-Ċipru u l-Irlanda ta’ 17-il sena mentri fit-Turkija u fil-Belt tal-Vatikan din għadha 18. Barra mill-kontinent tagħna hemm fost l-oħrajn l-Istati Uniti, il-Kanada, ir-Russja u l-Awstralja li huma l-istess bħal Malta mentri, eżempju f’Angola u fil-Filippini din tinżel għal 12-il sena. Numru żgħir ta’ pajjiżi jagħtu dan il-kunsens bi żwieġ biss.

Imma, kif jgħid il-Malti, il-qattusa għaġġelija, frieħ għomja tagħmel u dan il-proverbju jgħodd kemm għall-adoloxxenti li qegħdin jgħaġġlu biex jikbru, kif ukoll għas-soċjetà jekk din taqbad u tniżżel l-età tal-kunsens sesswali qabel ma tevalwa kollox. Dan għax hemm riperkussjonijiet u r-riperkussjonijiet ma jieqfux ma’ tqala mhux ippjanata. Hemm riskju ta’ abbuż, mard u emozzjonijiet involuti. Dawn tal-aħħar, f’età tenera, mhux faċli li jkunu kkontrollati jew iffaċċjati sew b’mod speċjali jekk ir-relazzjoni bejn il-minuri tintemm b’togħma qarsa.

Din il-kwistjoni hija kumplessa. Huwa minnu li ngħixu fi żminijiet differenti. Żminijiet li fihom it-tfal, l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ huma aktar konxji ta’ x’toffri l-ħajja, kif ukoll ingħataw aktar libertajiet u drittijiet tant li huwa diffiċli tgħidilhom x’jistgħu u x’ma jistgħux jagħmlu. Imma, dan ma jfissirx li għax iridu jew jagħmlu hekk, għandna nagħtu l-barka tagħna mingħajr ma niżnu kollox. Bħala prijorità għandna nżommu l-veru benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri tagħna.

Huwa proprju għalhekk li nemmnu li jkun aktar għaqli jekk din ir-realtà tkun indirizzata b’mod ħolistiku. B’mod responsabbli u kollettiv il-ġenituri, il-professjonisti fl-oqsma li jmissu mal-adoloxxenti u l-leġislaturi, għandhom jaħdmu id f’id biex issir deċiżjoni infurmata. Deċiżjoni li tittieħed b’rasna barra minn ġor-ramel.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport