Wednesday, April 24, 2024

“Ma ngħinx għall-premju… l-importanti li qed intejjeb il-ħajja ta’ ħaddieħor”

Studenta ppremjata talli tgħin oħra bi sfidi ta’ komunikazzjoni

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Chayenne Abela, studenta ta’ 14-il sena li tattendi l-Iskola Sekondarja tal-Ħamrun fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca kienet ippremjata bil-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-tjubija f’ċerimonja li saret ilbieraħ fil-Palazz ta’ Sant’Anton, f’Ħ’Attard.

Chayenne kienet innominata mill-Kap tal-Iskola fuq suġġeriment li tressaq mill-għalliem tagħha Edward Azzopardi. Skont l-awtoritajiet tal-iskola, Chayanne hi studenta bieżla, edukata u rispettuża lejn sħabha u anke lejn l-għalliema tagħha. 

Hija qed tkun t’għajnuna kbira lil Szintia Ladocki li ssibha diffiċli biex tikkomunika u tesprimi ruħha mal-adulti li ma jkollhiex kunfidenza magħhom. B’dan il-mod, Chayanne saret il-vuċi ta’ Szintia biex tkun tista’ ssegwi u tipparteċipa bla xkiel. 

L-Orizzont ħa l-ewwel kummenti tagħha wara li ngħatat dan il-premju fejn qaltilna li din kienet sorpriża għaliha tant li ma stennithiex għax dak li tagħmel, tagħmlu għall-ġid ta’ ħaddieħor. 

“Le ma kontx qed nistennieha. Xħin qaluli bqajt skantata. Tfisser xi ħaġa sabiħa għalija. Jiena ngħin għall-oħrajn. Huwa importanti li naħsbu f’xulxin għax fid-dinja ma tistax taħseb għalik biss iżda wkoll għal ta’ madwarek,” qalet Chayenne. 

Tkellimna wkoll mal-għalliem tagħha, is-Sur Edward Azzopardi, li ddeskriva lil Chayenne bħala tifla rispettuża, edukata u hi t’għajnuna kbira lil Szintia Ladocki. 

“Matul il-karriera tiegħi fil-professjoni ta’ għalliem qatt ma rajt studenta daqshekk disponibbli, dejjem lesta biex tgħin. Hi l-vuċi ta’ Szintia billi ma titkellimx ma’ min m’għandux kunfidenza miegħu jew magħha jew m’adulti però titkellem ma’ sħabha biss.

“Grazzi għal Chayenne, Szintia tista’ tipparteċipa fil-lezzjoni b’mod normali, tkun tista’ titkellem u tikkomunika dak li jkollha bżonn, u allura tkun tista’ tagħmel lezzjoni b’mod normali,” qal is-Sur Azzopardi. “Kien premju mistħoqq dak li ngħata lil Chayenne li dejjem lesta wkoll biex tgħin anke studenti oħrajn. Żgur li dawn l-affarijiet żgħar ifissru ħafna għal min jirċievi din l-għajnuna.”

Sport