Sunday, November 24, 2024

“Ma nħarsux lejn il-paga minima bħala ankra ta’ fejn jibda l-proċess ta’ negozjar kollettiv” 

L-analista finanzjarju Steve Ellul

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Irridu naraw li jkollna dejjem aktar xogħol ta’ kwalità aħjar. Li ma nħarsux lejn il-paga minima bħala ankra ta’ fejn jibda l-proċess ta’ negozjar kollettiv.”

Qal dan l-analista finanzjarju Steve Ellul f’intervista ma’ dan il-ġurnal dwar il-kwistjoni tal-paga minima u jekk għandhiex tiġi riveduta biex tagħti ħajja diċenti lill-ħaddiem. Fl-istess intervista, Ellul tkellem ukoll fuq l-importanza li l-ħaddiema tagħna, apparti pagi adegwati, ikollhom aktar ħin x’iqattgħu mal-familja tagħhom.

Huwa beda biex sostna li f’Malta għandna sitwazzjoni fejn il-paga minima hi waħda mid-drittijiet statutorji. Qal li “llum il-ġurnata nħoss l-ekonomija kif qed tinbidel, minkejja dak li kien statutorju sa ftit żmien ilu, illum il-ġurnata fil-qasam tax-xogħol għandna sitwazzjonijiet fejn f’moħħi jiġuni l-ħaddiema tal-pjattaformi… fejn għandna ħaddiema li qed jtħallsu b’rati aktar baxxi mill-paga minima. Meta nħares madwari nara skjavitù moderna f’ħafna setturi, ħafna minnhom huma ħaddiema barranin.” 

“Għandna llum il-ġurnata fl-2022 inħarsu lejn sitwazzjoni fejn ekonomija ma tkunx dipendenti daqstant fuq dak li hu cheap labour? Jien naħseb li iva. Għandu jkollna l-aspirazzjoni li bħala pajjiż li nelevaw l-ekonomija tagħna u mmorru għall-pass li jmiss,” tenna Ellul.

Huwa qal li rridu naraw l-ekonomija tagħna mhux biss ikollha x-xogħol imma dejjem aktar xogħol ta’ kwalità aħjar. Irridu nħarsu lejn sitwazzjoni fejn ninvestu fil-ħaddiema tagħna biex nassiguraw li jkun hemm dejjem inqas nies fuq dik li hija l-paga minima.

Enfasizza li: “ejja naħdmu f’dan il-pajjiż biex kemm jista’ jkun naqtgħu d-dipendenza fuq il-paga minima u ngħollu ‘l fuq il-ħaddiema tagħna. Dan nagħmluh bit-taħriġ u l-edukazzjoni, billi nagħtu l-opportunità anke lil min iħaddem biex jinvesti fit-taħriġ tal-impjegati tagħna. Naħseb ukoll li l-aktar ħaġa importanti naħseb li hi li npoġġu madwar mejda u naraw fejn irridu nieħdu l-ekonomija tal-pajjiż. 

“Matul il-pandemija rajnieha sseħħ. Kemm min iħaddem u r-rappreżentanti tal-ħaddiema ħadmu tajjeb flimkien u ħriġna b’mod tajjeb ħafna mill-pandemija. Ejja nagħmlu l-istess għas-snin li ġejjin. Ejja nkabbru l-ekonomija tagħna u nżidu l-kwalità biex inkunu ċerti li l-ħaddiema tagħna tiżdiedlu l-kwalità tal-ħajja tiegħu.” 

Sport