Friday, May 3, 2024

“Ma niċħdux l-għatx li hemm fina għall-imħabba”

Aqra wkoll

Waqt il-Quddiesa fit-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej immexxija mill-Arċisqof Charles Jude Scicluna f’Ħamis ix-Xirka filgħaxija, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta huwa saħaq dwar l-umiltà tal-Knisja. Dan hekk kif waqt il-quddiesa, l-Arċisqof ħasel riġlejn għadd ta’ persuni li jirrappreżentaw il‑komunità Nisranija, fosthom membri tal-kumitat organizzattiv tal-Knisja għaż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta u voluntiera.

Fl-omelija l-Arċisqof stieden lill-Insara sabiex ma jiddejqux jersqu lejn is-sagrament tal-Ewkaristija. Dan hekk kif f’Ħamis ix-Xirka l-Knisja tfakkar meta Ġesù Kristu waqqaf l‑Ewkaristija. Mons. Arċisqof qal li matul il-pandemija u anke bħalissa, il-mezzi tax-xandir wasslu u qed iwasslu fid-djar tagħna ċ-ċelebrazzjonijiet qaddisa tat-Tridu tal-Għid. Madanakollu, saħaq l-Arċisqof, m’għandniex nieqfu ma dak li naraw fuq it-televixin: “il-Mulej iħajjarna billi jwasslilna l-immaġini imma ma jistax jitmagħna virtwalment. Ejjew nersqu lejn il-Mejda tal-Ġisem u d-Demm għażiż tiegħu għax din hija r-rieda tiegħu. Ma waqqafx show, waqqaf ikla”.

L-Arċisqof ħeġġeġ ukoll sabiex ma niċħdux l-għatx li li hemm fina għall-imħabba. Talab lill-Mulej inaddaf u jsaffi l-imħabbiet u l-ħbiberiji ta’ bejnietna sabiex isiru jixbhu lil tiegħu.

Sport