Thursday, April 18, 2024

Il-marda li tkisser u tipperikola kemm lill-omm, kif ukoll lit-tarbija fil-ġuf

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Li mara tkun imdardra u tirreġetta fi tqala huwa kunċett magħruf u aċċettat bħala parti mill-proċess li finalment iwassal għas-sodisfazzjon kbira li twelled u żżomm tarbija f’idejk. Iżda, li tkun ma tiflaħx ħafna siegħa wara l-oħra, jum wara l-ieħor, xahar wara xahar sat-twelid hija storja oħra, storja li hija serja u trawmatika għal min jgħaddi minnha. Mhuwiex normali u sfortunatament mhuwiex meħud bis-serjetà la mit-tobba u lanqas min-nies, li għal disa’ xhur sħaħ mara tkun qiegħda tiggranfa biex tibqa’ ħajja u twelled tarbija sana. Dan jiġri f’każijiet ta’ nisa tqal milquta mill-marda tal-Hyperemesis Gravidarum.

Il-problema għan-nisa li jibdew isofru minn din il-marda hija li ħafna drabi jgħidulhom li m’għandhom xejn u li qegħdin jimmaġinaw kollox. F’intervista mat-tabiba Kate Womersley fuq il-ġurnal “Guardian”, din irrakkontat l-orrur li għaddiet minnu minħabba l-hyperemesis gravidarum, il-marda li fir-Renju Unit waħdu taffettwa mal-14,000 mara. 

“Id-dardir beda filgħaxija. Dan kien l-ewwel sinjal li l-gwidi tal-antenatal u tal-ġinekologi ma kienux qegħdin jagħtu stampa ċara u kompluta lin-nisa tqal. It-taqligħ u r-reġettar soffrejtu tul il-ġurnata kollha għal 245 ġurnata. Dan kien ħjiel ieħor. Kieku kont naf li kont se nkun ma niflaħx il-ħin kollu sakemmm inwelled it-tarbija, ma naħsibx li kont se nkun kuraġġuża biżżejjed biex ninqabad tqila,” spjegat Womersley.

Kalvarju ta’ tqala

Din it-tabiba, li dak iż-żmien kienet studenta, qalet li mill-ħin li ħadet test pożittiv tat-tqala bdiet issofri s-sintomi. Għall-bidu din hija ħasbet li spiċċat l-isptar minħabba li baqgħalha l-ikel fuq l-istonku iżda l-għada filgħodu ħassitha b’hangover meta fil-verità din lanqas missiet qatra xorb alkoħoliku. Womersley minn dakinhar wiċċha kien il-ħin kollu fuq it-toilet tneħħi tant li saħħitha bdiet tiddetorja u lanqas setgħet tiffunzjona jew tmur għax-xogħol. 

Fir-rapport jingħad li għas-settur mediku t-tqala mhiex marda u n-nisa tqal mhumiex meqjusa bħala pazjenti. Jingħad però li dan ma jfisserx li s-sintomi li nisa li jsofru dawn is-sintomi mhumiex ta’ natura patoloġika. Jingħad li sa 90% tan-nisa tqal iħossuhom ma jifilħux u 35% minnhom jista’ jkollhom bżonn ta’ għajnuna medika biex jikkontrollaw u jtaffu d-dardir u r-reġġettar qawwi.

Din il-professjonista fil-qasam tas-saħħa qalet li fil-kors tal-mediċina, bil-kemm jistudjaw dwar il-Hyperemesis Gravidarum. “Niftakar missejna ftit is-suġġett u bejni u bejn ruħi tlabt li ma taqbadx lili. Wara ħlas qabel iż-żmien, id-dardir u r-reġettar kontinwu huwa t-tieni raġuni għala nisa tqal ikunu rikoverati fi sptar. Il-ħsara li jsofru hija tal-biżgħa,” stqarret Dott. Womersley.

Ir-rapport jgħid li l-fetu, deskritt bħala “parassita”, jiġbed dak kollu li jista’ mill-ġisem tal-omm biex jiżviluppa b’konsegwenza fuq saħħet l-omm tant li jkissirha kemm fiżikament, kif ukoll psikoloġikament. Studju ppubblikat fl-2021 juri li r-riskju għall-ommijiet li jbatu mill-HG huwa ħames darbiet aktar minn ħsarat ikkawżat mill-amfetamina, mill-kannabis u mis-sigaretti. 

Il-feti f’periklu serju

F’dawn it-tfal hemm rati għola ta’ awtiżmu, problemi ta’ saħħa mentali u ttardjar fl-iżvilupp tal-moħħ. Xi feti lanqas jaslu li jitwieldu. L-istess rapport jgħid li mara minn kull seba’ li jsofru bil-Hyperemesis Gravidarum ma jkollhomx triq oħra biex jgħixu ħlief dik li jwaqqfu t-tqala. Din hija għażla ferm iebsa kklassifikata medikament bħala “tmiem ta’ tqala għal raġunijiet terapewtiċi”. Barra minn dawn l-aborti għal raġunijiet ta’ saħħa, 50% ta’ nisa bl-HG jikkonsidraw ukoll li jwaqqfu t-tqala. “Guardian” jispeċifika li dawn huma kollha trabi mixtieqa ħafna mill-ġenituri.

Rigward din il-marda hemm ftit għarfien u ma tingħatax l-importanza meħtieġa. L-unika persuna li ġibdet l-attenzjoni fuq il-gravità tagħha kienet Kate Middleton, mart Prince William tar-Renju Unit. Din ukoll tbati bil-Hyperemesis Gravidarum u grazzi għat-tliet tqaliet tagħha, ħarġet ftit fil-miftuħ id-diffikultajiet kbar li mara tqila bħalha tiffaċċja. Middleton ovvjament kellha l-aqwa għajnuna medika u jirnexxielha twassal tqala sal-aħħar, iżda x’jiġri minn dawk in-nisa bl-HG li mhumiex membri ta’ familja rjali? 

“Ma tistax tifhem jekk ma tesperjenzahiex personalment”

“Ġismi joqtol it-trabi,” qalet Dott. Marlena Fejzo minn Los Angeles. Lura fl-1999 hija wkoll kienet qiegħda tbati bil-HG severa tant li fl-10 ġimgħa tilfet lit-tarbija tagħha. Hija kienet ordnata mistrieħ fis-sodda iżda minħabba reġettar kontinwu, rat id-demm u t-tqala ġiet fi tmiemha. Għaliha din kienet traġedja u saħqet li, “ħadd ma jista’ jifhem is-severità tal-Hyperemesis jekk ma jgħaddix minnha personalment. L-unika mod li n-nies jistgħu jieħdu idea huwa billi jimmaġinaw dawk it-30 sekonda ta’ qabel ikunu se jirreġettaw u jkunu qegħdin iħosshom kważi se jmutu. Din hija s-sensazzjoni li nisa bl-HG iħossu l-ħin kollu tul it-tqala kollha,” spjegat din it-tabiba.

Tul din it-tqala diffiċli u qasira Fejzo għamlet minn kollox biex ma tħosshiex ma tiflaħx inkluż l-użu tal-ġinġer li tant jitkellmu dwaru. It-tabiba tagħha kienet issuġġeritilha mediċini apposta iżda minħabba l-effetti negattivi tagħhom, li huma sew magħrufa, hija beżgħat. “Bħal kull mediċini oħra, l-antiemetics bħal ondansetron u cyclizine mhumiex liċenzjati għall-użu fit-tqala u meta dawn jingħataw, il-pazjenta tkun qiegħda tieħu riskju,” spjegat din il-professjonista. Hija qalet li hija ppruvat tipproteġi lit-tarbija iżda rrealizzat li jekk hija ma tkunx b’saħħitha, żgur li t-tarbija fil-fetu tagħha se tbati. Tul il-ġimgħat ta’ sintomi qawwija din it-tabiba bil-kemm setgħet taħdem.

“Mhux fil-moħħ u l-mara mhiex miġnuna!”

Bħala tabiba hija tqajjem kuxjenza dwar l-iżball kbir li jagħmlu l-kollegi tagħha li jissoponu li mara bil-Hyperemesis hija “miġnuna”. Hija saħqet li ħafna esperti jemmnu li s-sintomi mhumiex kif inhuma deskritti min-nisa milquta u li mhumiex reali. Din il-marda kienet imsemmija l-ewwel darba mill-ginekologu Paul Dubios fl-1852 bħala “taqligħ u reġettar qawwi fit-tqala” u spjegaha bħala “isteriżmu”. Għadd ta’ studji mill-1980 irrapportaw li “minn mindu Freud tkellem dwar ir-raġunijiet psikoloġiċi fejn jidħol ir-reġettar, il-Hyperemesis ovvjament hija rifjut tat-tarbija jew mod kif wieħed jipprova jagħmel abort. Dardir fit-tqala jaffettwa nisa li ma jridux isiru ommijiet”.

Din il-perċezzjoni kompletament żbaljata, li hija insult u nuqqas ta’ għafien dwar dak li tkun għaddejja verament minnu mara tqila bl-HG, wasslu biex Dott. Fejzo tibda tistudja bis-serjetà l-kawża tal-Hyperemesis Gravidarum. Il-kawża li twassal biex mara tqila tħossha ma tiflaħx daqshekk hija ipotezzata li sseħħ minħabba livell għoli tal-ormon “beta human chorionic gonadotropin” (B-hCG). Fir-riċerka tagħha, ibbażata fuq studji ġenetiċi, Dott. Fejzo bdiet tiċċekja jekk din l-HG tintirietx ġenetikament. 

Fi studju li fih għamlet testijiet fuq 4,400 mara tqila minn madwar id-dinja kollha, hija sabet li Hyperemesis Gravidarum m’għandu xejn x’jaqsam mal-ġenetika tal-hCG u dan wassal biex ikkontradixxa kompletament dak kollu li l-mediċina antika kienet qiegħda tgħid fir-rigward. Minflok hija sabet kodiċi ieħor fil-ġenetika li huwa responsabbli għas-sintomi ta’ dardir u reġettar – l-ormon “GDF15”.

Il-GDF15 jinstab fl-ogħla livelli fil-plaċenta u f’livelli aktar baxxi f’organi oħra li huma affettwati mill-istress fosthom attakki tal-qalb u infezzjonijiet. Dan l-ormon jikkontribwixxi għall-kundizzjoni li tista’ tkun fatali “Cachexia” li twassal għal telf qawwi fil-piż u dgħufija tal-muskoli kif iseħħ f’każijiet ta’ pazjenti bil-kanċer. Is-sintomi ta’ Cachexia jinħassu min-nisa bil-Hyperemesis. Fl-istudju nstab li l-ormon GDF15 f’HG jista’ jkun it-tripplu tal-livelli misjuba f’pazjenti tal-kanċer b’Cachexia. 

“Meta pazjenti tal-kanċer jgħid li qegħdin iħossuhom imutu, dawn jiġu emmnuti. Iżda meta pazjenti bil-Hyperemesis jgħidu l-istess, meta dawn fil-verità ikunu qegħdin isofru t-tripplu mill-pazjenti bil-kanċer fejn jidħol id-dardir u r-reġettar, dawn in-nisa ma jittieħdux bis-serjetà,” sosniet Dott. Fejzo. Hawnhekk hija saħqet li hemm bżonn urġenti li din il-mentalità tinbidel u n-nisa bl-HG jibdew jittieħdu b’aktar serjetà u jingħataw il-kura li tant għandhom bżonn.

Huwa rrapportat li bbħalissa qegħdin isiru preparamenti biex tibda l-ewwel fażi ta’ testjar għal trattament ta’ Cachexia fil-pazjenti bil-kanċer b’mediċina li tinnewtralizza l-GDF15. Grazzi għar-riżultati miksuba fir-riċerka ta’ Dott. Fejzo, l-istess mediċina xi darba se tkun ta’ għajnuna vitali għan-nisa tqal u t-trabi tagħhom.

Marda li tkisser u tipperikola kemm lill-omm, kif ukoll lit-tarbija fil-ġuf…

Id-djanjosi tal-Hyperemesis Gravidarum ħafna drabi tvarja fost il-professjonisti u r-riċerkaturi fil-qasam tas-saħħa. Sfortunatament hemm ftit riċerka dwar l-impatt li għandha din il-marda meta kkomparata mad-dardir normali fit-tqala, dik magħrufa bħala l-morning sickness

Fatti:

  • Bejn 1-3% tan-nisa tqal taqbadhom il-Hyperemesis Gravidarum u dawk li taqbadhom b’mod sever, ħafna drabi jiġu rikoverati l-isptar;
  • Kontra wkoll għal dak li ħafna jaħsbu, il-Hypermesis Gravidarum mhiex marda daqstant rari u din tħalli mpatt qawwi f’kull aspett tal-ħajja tal-mara tqila affettwata;
  • Studju sab li l-persentaġġ ta’ nisa li jsofru minn reġettar u dardir kontinwu assoċjat ma’ din il-marda huwa ta’ 10.8%, mentri studju ieħor sab li 16% tan-nisa jieħdu mediċini apposta li jgħinuhom jikkontrollaw sintomi qawwija;
  • Barra s-sofferenzi fiżiċi ta’ kuljum esperjenzati sal-ħlas, riċerka oħra sabet li aktar mal-marda tkun qawwija u aktar ma ddum tul it-tqala, akbar u agħar ikun l-effett negattiv fuq l-omm. 
  • L-istess riċerka sabet li, “maġġoranza kbira (82.8%) irrapportaw li HG ikkawża tibdil negattiv psikosoċjali li jinkludi tibdil soċjo ekonomiku minħabba diffikultajiet jew telf ta’ mpjieg; bidla fl-attitudni fosthom minn tqala fil-futur; u problemi psikoloġiċi li jkarkru wara t-twelid fosthom dipressjoni u ansjetà. Nisa li rrapportaw li t-tobba tagħhom ma tawx każ jew ma ndunawx bis-severità tas-sintomi li esperjenzaw, huma fi kważi ċans doppju li jirrapportaw dawn il-problemi psikoloġiċi serji”;
  • Kura għal din il-marda m’hemmx u għalkemm jingħataw xi mediċini li jgħinu ftit, hemm dubji li dawn jistgħu jkunu ta’ periklu għall-fetu f’fażi ta’ żvilupp; 
  • Ir-rata ta’ telf ta’ tqala fost dawn in-nisa bil-HG mhiex żgħira – 34%;
  • It-trabi inkwistjoni jkunu esposti għal għadd ta’ komplikazzjonijiet minħabba din il-marda u dan b’mod speċjali jekk is-sintomi fuq l-omm ikunu severi, fit-tul, mhux trattati sew jew ikun hemm ittardjar fl-interventi mediċi meħtieġa. Dan b’mod speċjali jekk ikun hemm 15% ta’ telf fil-piż tal-omm qabel inqabdet tqila;
  • Il-kawża eżatta ta’ din il-marda għadha mhiex magħrufa iżda livelli għolja ta’ Cortisol u stress, nuqqas ta’ ċerti nutrijenti, nuqqas ta’ sostenn tul il-maternità, nuqqas ta’ riżorsi u aċċess limitat għall-kura, jistgħu jkunu fatturi. 
  • F’dan il-qasam, kura effettiva hija kruċjali ħafna għall-mara li tkun tqila u għat-tarbija li tkun qiegħda ġġorr. 
  • Barra l-konsegwenzi gravi li jista’ jkun hemm għall-omm u t-tarbija fil-ġuf, inkluż f’każi estremi, il-mewt, il-Hyperemesis Gravidarum hija ta’ piż finanzjarju fuq is-sistemi tas-saħħa, telf ta’ produzzjoni fuq il-postijiet tax-xogħol, trawma għall-familji affettwati, il-komunità, kif ukoll il-pajjiż. Dawn in-nisa u t-trabi ħaqqhom kura eċċellenti u ċans għal ħajja u futur san.
Ekonomija

Sport