Thursday, December 26, 2024

“Ma nista’ qatt naċċetta li xi ħadd jgħidli kriminal”

Aqra wkoll

Jixhed Owen Bonnici fil-kawża ta’ libell li fetaħ lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi wara li dan tal-aħħar kien għajru “kriminal”

Waqt li stqarr li fix-xena politika jingħad ħafna diskors u kliem li kultant jaf iweġġa’, il-Ministru Owen Bonnici qal li ma jista’ jaċċetta qatt li xi ħadd jgħidlu li huwa kriminal.

Huwa xehed dan fil-kawża ta’ libell li fetaħ lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi wara li dan tal-aħħar fuq Facebook sejjaħ lil Bonnici “kriminal”. 

Is-seduta tal-bieraħ kienet waħda movimenta ferm tant li kellha tiġi sospiża għal xi ħin minħabba l-argumenti li nqalgħu bejn iż-żewġ naħat. 

L-Avukat Pawlu Lia, li qed jidher għal Bonnici, sejjaħ l-ewwel biex jixhed lil Jason Azzopardi, u staqsieh jikkonfermax jekk lill-klijent tiegħu kienx qallu kriminal, b’Azzopardi jwieġbu “Iva” u li kien qallu wkoll giddieb.

Mistoqsi liema reati jattribwilu u meta ġie kkundannat, Dr Azzopardi deher skomdu jwieġeb, bl-Avukat Lia jgħid lill-Qorti: “Din hi d-domanda tiegħi u jrid iweġibha. Id-diskorsi politiċi jagħmilhom fejn irid. Hawn irid iwieġeb għad-domandi.” 

Is-sitwazzjoni eskalat bejn iż-żewġ naħat tant li l-Maġistrat Rachel Montebello ssospendiet is-seduta għal ftit minuti u xħin irritornat lura qalet li l-komportament ta’ Dr Lia u l-għajjat sfrenat ma kienx aċċettabbli.

Min-naħa tiegħu, Dr Lia talab skuża lill-Qorti, b’din tal-aħħar tgħid li hemm limitu għal kollox. Is-seduta kompliet bix-xhieda ta’ Azzopardi li meta għal darba oħra kien mistoqsi kienx hemm xi reati li Dr Bonnici ġie kkundannat għalihom, huwa wieġeb “Le. Però ma jfissirx li mhux kriminal.”  

Warajh imbagħad xehed il-Ministru Bonnici li spjega lill-Qorti kif dan huwa t-tieni libell li huwa qatt għamel fil-karriera tiegħu. Qal li jixtieq jifhem għalfejn Dr Azzopardi qal li jiena kriminal, meta huwa qatt ma nstab ħati ta’ reat kriminali jew wettaq xi reat kriminali. Qal ukoll li għalhekk kellu jieħu azzjoni biex jiddefendi ismu. 

Intant, huwa saritlu referenza fost oħrajn għall-kawża li ngħatat f’Jannar li għadda dwar it-tindif tal-monument tal-Assedju l-Kbir, bil-Ministru Bonnici jistaqsi x’rilevanza għandha u jekk din tirrendihx kriminal.

Dwar meta ġie f’idejh ir-rapport Egrant, huwa qal li diġà kien xehed dwar dan f’kawża oħra.

Il-kawża tkompli fil-25 ta’ Novembru. L-Avukat Joseph Zammit Maempel qed jidher għal Jason Azzopardi. 

Ekonomija

Sport