Wednesday, July 24, 2024

“Ma nistgħu ninqatgħu qatt mill-prijoritajiet tan-nies”

- il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

Fi stqarrija ministerjali, il-Prim Ministru Robert Abela qal li meta l-Ħamis li għadda attenda l-ewwel Kunsill Ewropew wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, wassal l-istess messaġġ li kien wassal f’pajjiżna. Huwa stqarr li l-obbligu fuq il-mexxejja huwa li jifhmu l-messaġġ li wassal l-elettorat Ewropew.

Il-Prim Ministru saħaq li hu minnu li dawn l-elezzjonijiet, minkejja li huma elezzjonijiet Ewropej, jirriflettu l-burdata nazzjonali, iżda daqstant ieħor hemm elementi Ewropej li ċ-ċittadini jħarsu lejhom jew saħansitra jiddeċiedu li jinjoraw għax iħossu li mhux daqstant importanti f’ħajjithom.

Tenna li huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi ma jistgħu jinqatgħu qatt mill-prijoritajiet tan-nies. U għalhekk meta ġiet diskussa l-aġenda strateġika tal-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin, li kienet tema ewlenija, l-enfasi tiegħu kienet dik li jirrappreżentaw lin-nies u mhux lis-sistemi burokratiċi.

Temi oħra fuq l-aġenda kienu l-Ukrajna, il-Lvant Nofsani, is-Sigurtà u d-Difiża, il-kompetittività, il-migrazzjoni il-Moldova u l-Ġorġja u ċ-ċiklu istituzzjonali li jmiss.

Huwa semma kif in-nomina proposta mill-Kunsill Ewropew fil-każ tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, issa tmur għall-vot fil-PE aktar tard dan ix-xahar.

Eventwalment anki n-nomina tal-Prim Ministru tal-Estonja Kaja Kallas bħala Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, wara li hi nominata għal Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, trid tmur quddiem il-Parlament Ewropew għal vot. Però għandhom l-appoġġ ċar tal-Kunsill.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, ma jmurx għal vot fil-Parlament Ewropew iżda t-terminu tiegħu jibda mat-tnejn l-oħra, jiġifieri fil-bidu ta’ Diċembru. Din hi l-kariga li se jkun qed jieħu l-eks Prim Ministru tal-Portugall António Costa.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-ħatra ta’ President tal-Parlament Ewropew u saħaq li teknikament din mhijiex parti mill-funzjonijiet tal-Kunsill Ewropew. F’dan ir-rigward, huwa qal li l-pożizzjoni tiegħu diġà għamilha ċara. Qal li m’hemmx dubju li ma jaqbilx ma’ wħud mill-pożizzjonijiet li ħadet il-President tal-Parlament Ewropew.

“Tkellimt dwarhom, inkluż hawn, u nerġa’ nitkellem dwarhom meta u kemm hemm bżonn. Iżda, daqstant ieħor nibqa’ konsistenti mal-prinċipju li barra minn xtutna jien ma nkun qatt kontra Maltin bħali, anzi nappoġġjahom,” tenna Dr Abela.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport