Friday, July 19, 2024

Tkompli l-kumpilazzjoni b’rabta mal-inkjesta fuq il-konċessjoni tat-3 sptarijiet

Aqra wkoll

13.14pm: Wara li l-Maġistrat Caruana ssospendiet is-seduta għal 10 minuti, tela’ jixhed ir-Reġistratur tal-Qorti Franklin Calleja fejn spjega dwar il-lista ta’ esperti nvoluti fl-inkjesta Maġisterjali.

Il-Maġistrat Caruana qal li rat in-nota li daħħlet id-difiża li fiha tinkludi lista ta’ 40 xhud li kollha jeħtieġ li jinstemgħu. Kien għalhekk li l-Qorti pproponiet li dawn jiġu mqassma fuq 4 seduti fejn f’kull seduta jkun hemm 10 xhieda.

Is-seduti se jsiru fit-8, 10, 11 u 16 ta’ Lulju fid-9.30am.

Il-Qorti tgħid li fis-17 ta’ Lulju imbgħad se jkunu qegħdin jinstemgħu s-sottomissjonjiet fuq il-prima facie, bid-digriet rigward l-istess proċedura mistenni jingħata fis-seduta tal-24 ta’ Lulju.

Għar-referenza kostituzzjonali mitluba fis-seduta li għaddiet, il-Qorti ċaħdet it-talba li l-prosekuzzjoni tixhed fuq il-ħrug ta’ ordni ta’ qbid u ffriżar.

12.29pm: Fil-kumpilazzjoni jixher ukoll Louis Buhagiar rappreżentant ta’ Jobsplus. Hu ppreżenta dokument dwar l-impjieg ta’ Bradley Gatt.

Fix-xhieda tiegħu hu qal li Bradley Gatt kien impjegat bħala avukat ma’ DF Advocates minn Novembru tal-2008 sa Dicembru tal-2012. Imbgħad minn Jannar tal-2014 sal-2015 kien impjegat ma’ DF Consultancy Service Limited u llum hu avukat self employed.

Waqt l-istess seduta telgħu jixhdu diversi individwi fosthom Deborah Farrugia li hija s-Segretarja għall-Kamra tal-Avukati u l-Prosekuturi Legali, sottokumitat tal-Kumitat għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

farrugia xehdet dwar il-proċess ta’ reġistrazzjoni għall-kumpanija legali, partikolarment marbuta DF Advocates. Spjegat il-proċess ta’ stħarriġ li għaddej fuq l-applikazzjonijiet tal-kumpaniji legali.

Imbgħad l-attenzjoni daret fuq il-mandati tal-iffriżar li ġew mitlubin mill-prosekuzzjoni. L-Avukat Franco Debono kien qiegħed joġġezzjoni għan-nuqqas ta’ rieda tal-prosekuzzjoni biex tiġġustifika l-ammont involut f’dawn il-mandati li jħallaq l-€20 miljun u l-€40 miljun għal xi akkużati.

12.21pm: It-tieni xhud kien l-eks Surġent Shaun Spiteri.

Fix-xhieda tiegħu qal li meta kien għadu Surġet kien ingħata struzzjonijiet mill-Ispettur Anthony Scerri li kien qiegħed isegwi ordni tal-Maġistrat Gabriella Vella biex flimkien ma’ uffiċjali tal-pulizija u esperta tal-Qorti ssiru tfittxijiet fir-residenza ta’ Kevin Deguara u l-uffiċini ta’ DF Consultancy Services Limited.

Jixhed li meta waslu fuq il-post Deguara kien se jitlaq bil-karozza u kien hawn li twaqqaf mill-pulizija biex issir it-tfittxija. L-eks Surġet jgħid li minn hemm baqgħu sejrin fl-uffiċini li hemm f’Tas-Sliema, iżda jgħid li hu imbgħad ma kienx involut f’din it-tfittixja.

11.56am: L-ewwel xhud għal lum kien l-Awditur Ġenerali Charles Deguara. Taħt ġurament Deguara qal li l-investigazzjoni bdiet mill-proċess tat-tender sakemm l-istess tender ingħata lil Steward. Jixhed li kollox kien qiegħed jiffoka dwar kemm ir-riżorsi intużawx tajjeb u jekk il-proċeduri ġewx segwieti. Qal li kienet inkwetanti li kien instab li kien intlaħaq ftehim u ġie ffirmat ‘Memorandum of Understanding’ mill-Ministru tat-Turiżmu u l-Ministru tal-Ekonomija, 5 xhur qabel ma nħareg it-tender.

L-avukat Franco Debono staqsa lix-xhud dwar dikjarazzjoni li kienet għamlet il-Maġistrat fl-inkjesta Maġisterjali, fejn dan kien inkiteb mill-esperti, fejn jekk Project Malta kienux involuti.

Deguara qal li hu ma jistax jitkellem dwar dak li sabet l-inkjesta, iżda jista’ jitkellem dwar l-investigazzjoni li saret mill-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali. Għal kuntrarju li nstab fl-inkjesta, l-Awditur Ġenerali jixhed u kkonferma li mill-investigazzjoni li saret Project Malta kienu nvoluti.

Kien hawn li l-avukat Debono reġa’ staqsa lix-xhud dwar jekk fil-konfront tas-Segretarju Permaninti Alfred Camilleri nstabx xi ħaġa. Deguara qal li ma kien instab xejn u anke sostna li kien sab koperazzjoni kontinwa minn Camilleri li hu wieħed mill-akkużati f’din il-kumpilazzjoni.

Min-naħa tiegħu l-avukat Stefano Filetti staqsa min kien ħa d-deċiżjoni biex tingħata din il-konċessjoni. Ix-xhud qal li kien qiegħed jassumi li d-deċiżjoni kienet ittieħded mill-Gvern u mill-eks Ministru Konrad Mizzi.

Aktar kmieni: Għall-ħabta tal-11.0am mistennija li tkompli l-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ numru ta’ kumpaniji u anke persuni fosthom Chris Fearne u Edward Scicluna. Huma jinsab akkużati li wettqu frodi u ħasil ta’ flus b’rabta mal-konċessjoni għat-tmexxija tat-tliet sptarijiet.

Dan is-sit se jkun qiegħed jaġġorna dak li jkun qiegħed jiġri fil-Qorti.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport