Sunday, December 22, 2024

“Ma nistgħux nipperikolaw il-kwalità tal-laħam u l-għajxien ta’ dawk li jiddependu mill-Biċċerija”

Id-Direttur tal-Biċċerija rigward l-allegat dmugħ fuq wiċċ statwa tal-Madonna fl-impjant

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Aktar milli waqqaft lil xi ħadd milli jidħol, jiena implimentajt ir-regoli tal-iġene tal-Biċċerija. Tajjeb li niftakru li l-post huwa stabbiliment tal-ikel b’regoli stretti ta’ min jista’ jidħol u min ma jistax, kif wieħed jista’ jidħol u safejn jista’ jidħol”.

Iddikjara dan ma’ talk.mt id-Direttur tal-Biċċerija Pubblika Stefan Cachia meta mistoqsi dwar l-allegazzjoni li huwa waqqaf lil xi ħadd milli jżur statwa tal-Madonna li tinstab fil-post. Dan wara li fl-aħħar jiem kien hemm persuna li allega li ra statwa tal-Madonna tibki u li l-istess Direttur kien se jwaqqaf milli ssir l-investigazzjoni. 

Min-naħa tiegħu Cachia spjega li f’Malta hawn biċċerija waħda u l-irwol tiegħu jitlob minnu li jkun responsabbli għall-kwalità tal-laħam kollu li jinħadem fil-biċċerija Maltija li finalment jispiċċa fuq il-platti tal-konsumaturi. Huwa qalilna li r-regoli tal-iġene li jħaddan il-post huma skont prattiċi internazzjonali dwar kif għandu jimxi kwalunkwe stabbiliment tal-ikel u għalhekk kemm ir-raġel inkwistjoni u kwalunkwe persuna oħra li ma taħdimx fil-post ma tista’ tidħol fl-impjant.

Kull min jidħol u li m’għandux x’jaqsam mal-post irid jiffirma dikjarazzjoni li ma kienx marid, li ma sifirx f’pajjiżi b’mard jittieħed u dikjarazzjonijiet oħra simili biex jiżguraw li ma jiddaħħlux forom ta’ kontaminazzjoni fl-impjant. 

Diversi riskji li jirrikjedu obbligi legali

Barra minn hekk, id-Direttur qal li l-Biċċerija fiha wkoll diversi riskji għal min jidħol fiha, u għalhekk huwa għandu obbligi legali taħt liġijiet tas-Saħħa u s-Sigurtà lejn persuni terzi fl-impjant. Spjega li jista’ jkollok periklu minn annimali ħajjin, perikli minn żunożi, jew mard tal-annimali li jista’ jgħaddi fuq il-bniedem u anke minħabba l-kimiċi li jintużaw fil-post u allura ma tagħmilx sens li jiġu aċċettati nies hemm ġew.

Mistoqsi rigward l-istatwa msemmija, id-direttur qal li ilha snin twal fl-istess niċċa u ilha żmien twil fil-post. Ovjament din l-istatwa qiegħda mix-xatba ’l ġewwa u għalhekk mhix f’post li devoti jżuruha minħabba l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-individwu u tal-konsumatur. 

“Jekk naċċettaw li kull min jrid jidħol fil-Biċċerija nkunu qegħdin jipperikolaw il-kwalità tal-laħam u l-approvazzjoni tal-Biċċerija, u għalhekk il-mijiet ta’ raħħala u persuni oħra li jaħdmu fis-settur tal-laħam lokali. Allaħares qatt jiġri xi ħaġa, l-implikazzjonijiet tagħhom fuq il-poplu Malti u fuq l-ekonomija lokali, b’mod speċjali l-agrikoltura huma xi ħaġa enormi u għalhekk irridu nimxu mar-regoli”, sostna d-Direttur.

Lest li jħalli nies kompetenti jinvestigaw jekk javviċinawh

Cachia kkonferma magħna li jekk hemm awtoritajiet kompetenti li jħossu li għandhom jidħlu iżjed fil-fond, m’għandux problema li dawn jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom, sakemm l-aċċess isir skont il-protokolli tal-iġene tal-post, iżda ċertament mhuwiex aċċettabbli u permessibbli li kulħadd jidħol xħin irid u xħin joġgħbu.

Huwa fakkar li l-operat tal-biċċerija jibda mis-2:00 a.m u jibqa’ għaddej sat-8:00 p.m u għalhekk ma jistgħux jikkompromettu li jilqgħu pubbliku b’riskju daqstant kbir ta’ kontaminazzjoni.

F’125 sena li ilha miftuħa l-biċċerija, il-pubbliku ġie mistieden biex jidħol fil-post darba biss, u f’żoni speċifiċi biex l-operat seta’ jkompli jopera waqt l-attività fl-okkażjoni tal-festa tal-majjal.

Il-kurja ma tikkummentax…

Dan is-sit talab ukoll ir-reazzjoni tal-Kurja b’rabta ma’ dawn l-istess allegazzjonijiet u jekk hijiex qiegħda tieħu dan il-każ b’serjetà u tinvestiga dwarhom. Min-naħa tagħha l-Kurja wieġbet biss li f’dan l-istadju mhix f’pożizzjoni li tikkummenta dwar dan il-każ.

Ekonomija

Sport