Kien attakk li seħħ fil-25 ta’ Jannar. Attakk li seħħ f’Gaza. Attakk li twettaq fi żmien li suppost kien hemm il-ftehim ta’ paċi. Illum min isegwi jaf li minkejja is-suppost ftehim, l-attakki baqgħu għaddejjin. Naqsu fil-frekwenza, imma baqgħu jitwettqu. Baqgħu joqtlu persuni ċivili u innoċenti f’Gaża. Attakki karatterizzati minn skiet u indifferenza.
U proprju fl-aħħar sigħat, kellna każ ieħor ta’ qsim il-qalb. Każ li kien jinvolvi tifla ċkejkna. Kellha biss sitt snin. Kienet spiċċat inħarqet fl-attakk. Il-ħruq kien sostanzjali u ammonta għal 48 fil-mija ta’ ġismha.
Mill-ewwel iffaċċjat l-intoppi. Kura f’Gaża ma setgħetx tingħata għax il-faċilitajiet mediċi llum mhux adekwati. Kellha tistenna evakwazzjoni. Stennija minkejja li l-kundizzjoni tagħha kienet gravi. Stennija minkejja li kienet f’periklu kbir li tilef ħajjitha. Tistgħu timmaġinaw kemm kienet ta’ weġgħha kbira għal familtha l-istennija biex tinħareġ u tingħata kura
Wara jiem tistenna kienet evakwata lejn il-Ġordan. Proprju fl-aħħar sigħat imma jsir magħruf li tilfet il-battalja tagħha. Magħha għebu l-ħolm li kellha. Vittma oħra innoċenti tal-attakki.
Fatima, Palestinjana f’kumment li għadditilna qaltilna li “x’nista’ ngħid? Li qegħdin ngħixu f’dinja tal-mistħija. Dania kellha tibqa’ tgħix. Ħajjitha insterqitilha. Illum ma tistax tilgħab ma’ tfal oħra. Ma tistax tgawdi lil oħtha u lil ommha. Għalfejn kellha tistenna biex tkun evakwata?
Din realtà li għaddejjin minnha tfal oħra f’Gaża. L-ebda tifel jew tifla m’għandu jistenna li jingħata permess biex jaqsam il-fruntiera biex jingħata kura ħa jibqa’ jgħix jew biex jiġu kkurati. Nittama li isem Dania ma jkunx biss statistika oħra. Nittama li d-dinja ma tibqax siekta. Ma tibqax tħares banda oħra”.
Dwar dan il-każ jitkellmu Fajr Global. Jiddikjaraw li “minkejja li Dania waslet l-isptar fil-Ġordan, hi spiċċat tilfet il-ġlieda tagħha. It-tifla ta’ sitt snin kellha ġrieħi wisq serji minn dak li seħħ fil-25 ta’ Jannar. Wara stennija twila seħħet l-evakwazzjoni. Finalment hi u familtha ittieħdu l-Ġordan. Hemmhekk it-tobba għamlu minn kollox biex isalvawha. Ġisimha kien dgħajjef wisq. Ċediet. L-istorja ta’ Dania mhix storja ta’ tifla waħda. Din hi storja li tikkonċerna elfu ta’ tfal u adulti. Persuni li qegħdin jistennew permess għal trasport għal xi faċilità medika. Jistennew mediċina. Jistennew ċans biex jiġu kkurati.”
“Kull dewmien, kull grada magħluqa kull uffiċċju silenzjuż, jaffettwa l-ħajjiet tan-nies. Nappellaw biex issemmgħu leħinkom. Tkellmu u mexxu l-kelma. Uru dak li qiegħed jiġri. Qegħdin nitkellmu biex noħolqu kuxjenza u ninkoraġixxu l-kompassjoni u r-responsabbilità globali. Ma nistgħux nistennew iżjed”.

