Thursday, November 13, 2025

MA NITBISSMULHOMX

Aqra wkoll

Laqatni artiklu dwar kif aħna l-Maltin inqisu u nittrattaw lill-ħaddiema barranin li jiġu Malta: narawhom bħala pjaga u fuq kollox, kull meta nitkellmu magħhom, ma nitbissmux

Fin-nuqqas ta’ tbissim, jasal il-messaġġ kollu – ta’ kif minkejja li dal-pajjiż jieqaf mingħajr ix-xogħol li jagħtu dawn il-ħaddiema, il-Maltin u l-Għawdxin infushom jarawhom bħala piż ta’ sikkatura li jeqred il-ħajja kif nafuha u ngħożżuha. Biex ma ngħidux ukoll li naraw lil dawn il-barranin bħala li qed jeħdulna… anzi kważi jisirqulna… mill-ġid u mill-identità ta’ pajjiżna.

In-nuqqas ta’ tbissim juri bl-aktar mod konvinċenti kemm xi ħadd mhux aċċettat. Għal min ħalla lil familtu u ħbiebu ferm ferm ’il bogħod minn fejn qed ikollu jgħix u jaħdem iebes għal paga mhux daqsant gwappa, din il-bixra ta’ għebusija u rifjut “popolari” tista’ tkun l-aktar aspett demoralizzanti fil-ħajja bilfors diffiċli ta’ emigrant.

INFRASTRUTTURA U TOROQ

Għal ħafna Maltin, il-kelma infrastruttura dejjem kienet tfisser toroq (u forsi magħhom ġieli djar tal-gvern). Sal-lum, għadha hekk. Is-sħubija fl-Unjoni Ewropea kompliet issaħħaħ dil-fehma peress li fondi għall-investiment mill-Unjoni għal Malta dejjem marru l-aktar malajr lejn toroq ewelnin li jgħaqqdu lill-gżira minn tarf sa tarf. Dawn tqiesu li jissodisfaw il-kriterji Ewropej għall-għażla ta’ proġetti.

Il-bini ta’ toroq akbar u aħjar baqa’ l-aqwa wira ta’ kemm gvern jaf ikun ħabrieki. Sadattant, il-kuntratti tal-appalt li setgħu jingħataw b’konsegwenza ġeneralment inżammu bħal tema li m’hemmx għalfejn titqanqal. 

U llum kulħadd jinkwieta dwar kif u kemm it-traffiku baqa’ jiżdied… 

BEJN IL-PUBLIKU U L-PRIVAT

Is-sħubija bejn il-publiku u l-privat fuq proġetti ta’ interess publiku mhux kummerċjali ġiet imfaħħra m’għola s-smewwiet fid-diċennji l-imgħoddija. Ir-riżultati li tat f’ħafna każi ftit kienu sbieħ. Hekk turi l-esperjenza Maltija u mhux biss dan l-aħħar bil-każ tal-Vitals/Steward. 

Nibqa’ skantat kif donnu ħadd ma jiftakar fi Smart City pereżempju li kien inbiegħ mill-gvern Nazzjonalista bħala proġett li se jpoġġi lil Malta fuq quddiem nett tad-dinja teknoloġika. Dak iż-żmien ma tfaċċa l-ebda ġurnalist/ġurnalista eroj biex nisimgħu x’kien għaddej minn taħt dak l-eżerċizzju jlellex. Kif ftit smajna aktar matul is-snin dwar il-proġett biex jiddaħħlu “arloġġi” avvanzati teknoloġikament tad-dawl u tal-ilma li jkejlu l-konsum, hekk li ma kienx se jkun hemm għalfejn jintbagħtu uffiċjali fid-dar biex jaqraw l-arloġġi. 

Mhux f’Malta biss, ta’ spiss is-sħubija publiku-privat spiċċat farsa li minnha marru ħażin iċ-ċittadini. Li ma jfissirx li ma kienx hemm każi ta’ suċċess, anki kbir… imma kienu pjuttost ftit.  Kif ukoll: ftit tgħallimna minnhom.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport