Saturday, May 4, 2024

“Ma nstab l-ebda nuqqas min-naħa tiegħi”

Rosianne Cutajar f’reazzjoni għall-konklużjoni tal-investigazzjoni dwarha

Aqra wkoll

“Wara sentejn ta’ allegazzjonijiet u gideb li għamilt senserija u li nqast milli nħallas taxxa fuqha. Wara sentejn ta’ tgħajjir u assassinju ta’ karattru, issa il-verita’ telgħet f’wiċċ l-ilma.” Iddikjarat dan id-deputata indipendenti Rosianne Cutajar f’reazzjoni għan-notifika rigward il-konklużjoni tal-investigazzjoni dwarha mid-dipartiment tat-taxxa (mifruxa fuq medda ta’ ħames snin).

Hija kompliet biex tgħid li ma nstab l-ebda nuqqas min-naħa tagħha u qalet li mhijiex se tkun qiegħda tistenna xi apoloġija mingħand Dr Hyzler li waqqaf il-karriera politika tagħha għax ikkundannaha fuq probabbiltà u wisq anqas mingħand dawk li li kieku kien għalihom lanqas ikkontestat l-elezzjoni ġenerali u saħansitra riċentament irriżenjat ukoll minn Membru Parlamentari.

“Is-sodisfazzjon tiegħi hu li jien dejjem għidt il-verità u kien ħaddieħor illi gideb dwari u ħa deċiżjonijiet żbaljati fil-konfront tiegħi. Ma jien se ninsa qatt l-inġustizzja li għaddew lili u lill-familja tiegħi u r-riperkussjonijiet kollha li din ġabet magħha”, żiedet tgħid Cutajar filwaqt li stqarret li issa tista’ tkompli tgħix b’mod seren iżjed minn qatt qabel mingħajr allegazzjonijiet jew dell ikrah fuqha.

Cutajar qalet ukoll li dawk li għamlu kruċjata kontriha llum mhux talli mhuma se jħallsu l-ebda prezz, anzi se jaqgħu fil-muta.

“Minn qalbi irrid nirringrazzja lil kull min baqa’ miegħi u qatt ma ddubitani. Kontu u għadkom f’qalbi. Fl-aħħar dan il-kapitlu ikrah jingħalaq hawn”, temmet tgħid Cutajar.

Sport