Monday, May 13, 2024

Il-Farsons Beer Festival lura f’Ta’ Qali mill-Ħamis

Aqra wkoll

Il-Farsons Beer Festival, wieħed mill-avvenimenti tant mistennija fil-kalendarju tas-sajf Malti, se jerġa’ jittella’ bejn il-Ħamis 27 ta’ Lulju u s-Sibt 5 ta’ Awwissu fil-Picnic Area f’Ta’ Qali. Id-dħul huwa b’xejn. Din se tkun il-41 edizzjoni u se tinkludi għażla wiesgħa ta’ birer lokali u internazzjonali rebbieħa u programm sħiħ ta’ mużika fl-erba’ żoni tas-soltu, li jiġbdu eluf ta’ viżitaturi kull sena.

Is-Sa Adriana Lupo, il-Koordinatriċi tal-Festival u Business Support Manager f’Simonds Farsons Cisk plc, qalet li “Aħna tassew eċitati li wasalna għal edizzjoni oħra tant mistennija. Din is-sena, għal darb’oħra, se jkollna 10 iljieli mill-aqwa għal kulħadd.”

IL-BIRER

Il-Farsons Beer Festival joffri għażla ġmielha ta’ birer u ciders lokali u internazzjonali ewlenin, li tinkludi l-birer kollha ta’ Cisk: Cisk Lager, Cisk Excel, Cisk 0.0, Cisk Pilsner, Cisk Strong u Cisk Chill, kif ukoll il-firxa popolari tal-Classic Brews: Blue Label Amber Ale, Double Red Strong Ale u Green Hop IPA. 

Fost il-birer internazzjonali se jkun hemm Carlsberg, Budweiser, Guinness, Kilkenny, John Smith’s Extra Smooth Ale, Beck’s, Newcastle Brown Ale, Deperados u Corona Extra. L-għażla tal-birer artiġjanali u speċjalizzati tinkludi Grimbergen, St Austell, Baladin, u Bellfield (gluten-free). Fost il-lagers ta’ bla alkoħol hemm iċ-Cisk 0.0 u l-Carlsberg 0.0. Se jkun hemm ukoll is-ciders Strongbow, Woodpecker u Bulmer’s.

Fil-Festival hemm wkoll għażla ta’ ikel minn kċejjen differenti li jikkumplimentaw il-birra.

IL-PROGRAMM 

Minkejja li l-qofol tal-avveniment, bla dubju ta’ xejn, hi l-birra, il-Farsons Beer Festival minn dejjem serva ta’ vetrina importanti għall-aqwa artisti u gruppi mużikali lokali. Fuq il-Palk Prinċipali dis-sena se jkollna lil Tribali, Ira Losco, The Travellers, Red Electric, The Busker, Brass House Unit ft dj Debrii, Manatapu, Kurt Calleja, Matthew James u l-kantant ta’ fama internazzjonali Shaun Farrugia, frisk mill-wirja li ta fil-BBC Concert Orchestra aktar kmieni dan ix-xahar. 

Fuq il-Palk tar-Rock se jkun hemm Forsaken, The Rifffs, BNI, Eyes to Argus, Abysmal Torment, Beesqueeze, Lord Adder, Martyrium, RUG u Fakawi. 

Fil-Casa Electronica, li fl-aħħar snin bdiet tiġbed udjenzi kbar, se jdoqqu wħud mill-iżjed DJs popolari f’Malta: Joseph Armani, Ruby, DeezTwo, Cedren & Manu-l u Miss Roberta, fost l-oħrajn. 

It-Tikka Banda wkoll se tkun qed iddoqq f’xi jiem tal-Festival bejn it-8:30 u d-9:30pm, u mistennija tagħti atmosfera tradizzjonali ta’ festa Maltija lill-Festival.

Il-programm sħiħ bil-ħinijiet tal-attivitajiet tal-Festival qiegħed hawn: www.farsonsbeerfestival.com

IL-MUG UFFIĊJALI (EDIZZJONI LIMITATA)

Il-mug tal-birra uffiċjali tal-Festival, li issa sar oġġett li jiġġemma’ minn sena ghal sena, se jkun għall-bejgħ fil-bars sakemm tintemm il-konsenja. 

ŻONA TFAL 

Din is-sena saħħaħna ż-Żona tat-Tfal bi programm varjat li jinkludi sessjonijiet li matulhom it-tfal jistgħu jiltaqgħu ma’ karattri differenti, ikantaw u jiżfnu f’wirjiet bil-pupazzi, logħob għall-membri tal-familja kollha u mini discos. Attivitajiet oħra jinkludu logħob, face painting, sand art, u glitter tattoos.

Il-programm sħiħ bl-attivitajiet tat-tfal issibu hawn: https://farsonsbeerfestival.com/kids-area/

Kull min jattendi l-Festival jista’ jdur ukoll l-istands ta’ artiġjani lokali fis-suq tal-artiġjanat. 

TRASPORT PUBBLIKU

Għal sena oħra, qed norganizzaw tliet rotot speċjali bi sħab mal-Malta Public Transport: 

Minn Ta’ Qali sa Buġibba: kull siegħa mill-10:00pm sas-1:00am (4 vjaġġi)

Minn Ta’ Qali sa San Ġiljan: kull siegħa mill-10:00pm sas-1:00am (4 vjaġġi)

Minn Ta’ Qali sa Birżebbuġa: kull siegħa mill-10:00pm sa nofsillejl (3 vjaġġi)

Ir-rotot jitilqu kollha mill-waqfa tal-linja temporanja li hemm barra l-Parkeġġ tal-MFCC. Japplikaw tariffi speċjali.

Għad-dettalji kollha tar-rotot, idħol hawn: https://www.publictransport.com.mt/en/the-farsons-beer-festival

L-IMMANIĠĠJAR TAL-ISKART 

F’konformità mal-impenn kontinwu ta’ Farsons li jagħmel il-Festival aktar ekoloġiku, qed nerġgħu nieħdu numru ta’ inizjattivi, ewlenija fosthom il-miżura tal-użu ta’ tazzi ddisinjati apposta għall-Festival, li jistgħu jintużaw aktar minn darba għall-birer u s-ciders. Dawn jinsabu għall-bejgħ mill-bars kollha u ssibhom f’żewġ daqsijiet: 25ċl u 50ċl. Se jkun hemm ukoll għadd ta’ postijiet qrib il-bars fejn tista’ tlaħlaħ it-tazza biex tibqa’ tużaha matul l-iljieli kollha tal-Festival. 

“Din l-inizjattiva ħriġna biha tliet edizzjonijiet ilu u kienet suċċess biex innaqqsu l-użu żejjed tal-plastik,” qalet is-Sa Lupo. “Dawk kollha li ġejjin il-Festival huma mħeġġa jagħżlu l-iskart tagħhom u jarmuh kif jixraq fil-postijiet maħsuba għal dan.”

Se jkun hemm ukoll numru ta’ magni tal-BCRS fejn dak li jkun jista’ jarmi l-kontenituri tal-ħġieġ, tal-metall u tal-plastik u jieħu lura d-depożitu. 

Is-Sa Susan Weenink Camilleri, Head of Sales & Marketing ta’ Simonds Farsons Cisk plc, qalet li, “Il-Farsons Beer Festival hu avveniment ewlieni mistenni ħafna fil-kalendarju Malti tas-sajf u joffri atmosfera mill-aqwa għall-familja kollha. Kburin li għadna noffru d-dħul għalih b’xejn minkejja li l-ispejjeż għall-organizzazzjoni tiegħu żdidulna mhux ħażin. Din hi grazzi xierqa lill-klijenti leali tagħna li ilhom snin twal jixtru l-prodotti tagħna. Kburin ukoll li tul dawn il-41 edizzjoni bqajna nevolvu u niżviluppaw il-Festival biex inżommuh attraenti għall-pubbliku skont ix-xejriet tas-suq. Hu għalhekk li għandna l-Festival ħaj u ta’ suċċess li nafu llum.”

“Ninsabu kuntenti li għal darb’oħra se nkunu parti mill-Farsons Beer Festival. Bħala l-fornitur ewlieni tat-telekommunikazzjoni f’Malta, għandna ħafna x’niċċelebraw din is-sena. M’hemmx mod aħjar sabiex nagħmlu dan mal-klijenti tagħna, waqt il-Beerfest!  Ejjew żuruna biex taraw aktar x’nistaw noffrulkom!” qal is-Sur Karl Galea, Chief Marketing Officer, Epic. 

Il-41 edizzjoni tal-Farsons Beer Festival hi appoġġjata minn Epic u sponsorjata minn Jack Links’, Mapfre, Playcon, Project Green, Renault, Snickers, Vibe u Wolt. Kull lejla l-bibien jiftħu fit-8pm, id-dħul b’xejn, u għalhekk mhu meħtieġ l-ebda biljett biex tidħol. Idħol fis-sit www.farsonsbeerfestival.com għal tagħrif ieħor u segwina fil-Facebook u l-Instagram għall-aġġornamenti. 

Sport