Monday, May 13, 2024

Tnejn mixlija li biddlu informazzjoni ta’ terzi fuq is-sistema tal-permessi tax-xogħol

Aqra wkoll

Żewġt irġiel ingħataw il-ħelsien mill-arrest wara li wieġbu mhux ħatja li għamlu użu ħażin tal-kompjuter u biddlu informazzjoni ta’ terzi fuq is-sistema tal-permessi tax-xogħol ta’ ID Malta. 

Raad Raiyyan Karim ta’ 23 sena u Hossain MD Tanvir ta’ 26 sena, it-tnejn mill-Bangladesh, tressqu b’arrest fil-Qorti wara li sar rapport mill-allegat vittma xi xhur ilu.

Ir-raġel kien allega li xi ħadd kiseb l-aċċess tal-mobile tiegħu u bidel id-dettalji tiegħu fuq s-sistema tal-permess uniku ta’ ID Malta.

Minn aktar verifiki, il-pulizija rnexxielhom jaslu għaż-żewġ suspettati, li jgħixu Birkirkara u li għandhom permess biex jaħdmu Malta. 

Huma tressqu quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud mixlija li għamlu tibdil mhux awtorizzat ta’ data kif ukoll li kisbu aċċess mhux awtorizzat għall-password, username jew l-email ta’ persuna oħra. 

Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom u saret talba għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud, aqgħet it-talba taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirmaw l-għassa kuljum u garanzija personali ta’ €20,000. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukati Nathaniel Falzon u Andreas Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispettur Marcus Cachia. 

L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għal Tanvir.

Sport