Ma’ Nżul ix-Xemx, esibizzjoni ispirata mill-memorja kollettiva tal-Belt Valletta u tal-belt ta’ Beijing, bl-użu ta’ tekonoloġiji diġitali, se tiftaħ għada bejn il-11 a.m. u l-10 p.m., fis-sotterran tal-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta, b’dħul minn Triq Żekka.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera flimkien maċ-Chairperson tal-Valletta Cultural Agency Jason Micallef.
Din l-esibizzjoni se tittrasporta lil kull min jattendi f’esperjenza awdjoviżiva li tagħtih perspettiva ġdida fuq dawn iż-żewġt ibliet. Dan għaliex, filwaqt li mal-ewwel daqqa t’għajn il-Belt Valletta u Beijing jidhru li huma totalment differenti minn xulxin, permezz ta’ din l-installazzjoni tal-arti niskopru li hemm diversi similaritajiet bejniethom.
Imtella’ grazzi għall-kollaborazzjoni bejn I+A (Malta) u Signal Alpha (iċ-Ċina), Ma’ Nżul ix-Xemx tibqa’ miftuħa sat-2 ta’ Ottubru.
“Kollaborazzjoni interessanti ħafna bejn il-Valletta Cultural Agency u ċ-China Cultural Centre li tinvolvi wkoll is-settur privat. L-iskop ta’ din il-wirja hija li tgħaqqad il-memorja ta’ żewġt ibliet antiki ħafna, li huma l-Belt Valletta u Beijing. L-esperjenza ta’ din l-esibizzjoni hija innovattiva peress li tistieden lill-viżitaturi jesperjenzaw il-ħajja ta’ belt qadima, mhux biss viżwalment imma bis-sensi l-oħra tagħhom,” stqarr il-Ministru Herrera.
Iċ-Chairperson tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qal li din l-esibizzjoni hija waħda minn ħafna proġetti kulturali li l-aġenzija qed torganizza sal-aħħar tas-sena. Matul il-pandemija, indunajna tassew kemm għandna bżonn l-arti u l-attivitajiet kulturali li huma partijiet intrinsiċi tal-ħajja ta’ kuljum tagħna u tal-espressjoni umana.
Permezz ta’ erba’ spazji distinti taħt il-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta, se jiġu stabbiliti erba’ xogħlijiet tal-arti individwali li se joħolqu verżjonijiet dekostruttivi ta’ dawn iż-żewġt ibliet kapitali. B’hekk, dawn ix-xogħlijiet tal-arti se jkunu qed jigwidaw lil dawk li jżuru din il-wirja fi vjaġġ ta’ similaritajiet sensorjali bejn il-Belt Valletta u Beijing.
Dawn l-erba’ xogħlijiet tal-arti huma:
City Steps
Installazzjoni awdjoviżiva li timmira li tippreżenta sinjali awdjoviżivi distinti mill-Belt Valletta u Beijing.
Cityscape
Installazzjoni artistika li tibni fuq City Steps billi tieħu s-sinjali awdjoviżivi u toħloq esperjenza sensorjali li tgħaqqad lill-Belt Valletta u Beijing f’xenarju ta’ belt waħda.
Memory Chamber
Il-Memory Chamber se tgħaqqad lill-viżitaturi ma’ oġġetti inanimati li jirrappreżentaw lill-ibliet kapitali ta’ Malta u ċ-Ċina.
Sunset Field
Spazju kontemplattiv fejn żewġ inżul tax-xemx li jippreżentaw ix-xemx fil-Belt Valletta u nżul ix-xemx fil-belt ta’ Beijing se jirreaġixxu.
Din l-esibizzjoni se tkun qed issir fi sħubija maċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina. Ma’ Nżul ix-Xemx se tkun miftuħa kuljum minn għada 23 ta’ Settembru sat-2 ta’ Ottubru, bejn il-11 a.m. u l-10 p.m.