Saturday, December 21, 2024

“Ma’ Papa Franġisku għadni ma ltqajtx… nistennieh ħerqan proprju fil-bieb tal-knisja biex insellimlu”

Aqra wkoll

“Ma’ Papa Franġisku għadni ma ltqajtx, allura qiegħed b’ħerqa kbira li nistennieh propju fil-bieb tal-knisja biex insellimlu”.  Hekk qalilna Fr Joseph Mizzi, l-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat Malta, meta lbieraħ tkellem ma’ Talk.mt dwar l-aħħar preparmenti li għaddejjin f’din il-Bażilika b’rabta maż-żjara tal-Papa. Meqjusa bħala l-ewwel parroċċa f’Malta għax minn dan il-post qaddis beda jinxtered il-Kristjaneżmu f’Malta, peress li l-bażilika tinsab mibnija proprju fuq il-grotta li skont it-tradizzjoni hi l-grotta li fiha San Pawl għex fit-tlett xhur li dam f’pajjiżna. Wieħed ma setax ma jinnutax il-Bażilika armata b’altar mill-isbaħ, li hu l-istess artal li jintrema fil-festa ta’ Corpus Domini.  Dan hu l-istess artal li kien intrema meta f’pajjiżna ġie l-Papa Gwanni Pawlu II u li hu minn rajh kien  qatt mument quddiemu jitlob.

Fr. Joseph Mizzi qalilna li “ovvjament kull avveniment jitlob ħafna preparazzjonijiet u mhux inqas din tal-Papa. Huwa avveniment uniku għalija fl-istorja ta’ ħajti li nilqa’ bħala Kappillan — Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Pawl — lill-Qdusija Tiegħu l-Papa. Allura l-preparamenti mhux biss huma l-armar tad-damask, tal-gandlieri u tal-artal — dan sar kollu, u d-dettalji żgħar ta’ kif se jinżel il-Papa u kif se jidħol, u laqgħat fuq laqgħat mal-korpi kollha kostitwiti, nies tal-kor, nies tal-ordni li rrid nirringrazzjahom kollha tal-kollobarazzjoni. Spirtu ta’ flimkien li ħdimna tassew id f’id biex nagħtu merħba sabiħa lill-Papa. Però iżjed minn dawn id-dettalji żgħar li huma kollha meħtieġa, l-iżjed li qed nenfasizza jien kontinwament hi li ma nħallux l-għeja u l-istress jeħodna għax malajr taf tegħja u titlef il-bilanċ, biex inżommu dejjem il-kalma u biex inżommu dak l-ispirtu sabiħ li se niltaqgħu mal-Papa”.

Kompla jgħid li “Anki jekk forsi saru nofsinhar jew għejJejna, ejja nżommu dal-ispirtu li qegħdin nippreparaw biex niltaqgħu mal-Papa, li għalina l-Kattoliċi l-Papa  dan ifisser ħafna għax ifisser li se niltaqgħu mar-rappreżentant ta’ Kristu fid-dinja, il-vigarju ta’ Kristu fuq l-art. Din hija xi ħaġa li forsi llum ma tantx tissemma, imma huwa Pietru — Kristu ħalla l-knisja f’idejn Pietru — u Pietru tal-lum jismu Franġisku. Dan Franġisku ġej iżur il-knisja tiegħu hawn ċkejkna f’Malta biex jiltaqa’ mal-Insara u jkompli jsaħħaħna fil-fidi tagħna. B’hekk dejjem enfasizzajt fil-preparazzjoni tagħna biex inżommu dal-ispirtu ta’ ferħ. B’dal-ispirtu qegħdin nippreparaw b’ċertu ottimiżmu għal din il-laqgħa sabiħa mal-Papa, biex hekk kemm jista’ jkun pruvajna nżommu l-istress, l-għeja u t-tensjoni li kultant taf taqbad, inżommu dejjem iżjed kalma u nibqgħu b’dan l-ispirtu ferrieħi flimkien”.

Staqsejnieh jekk qattx iltaqa’ ma’ Papa Franġisku qabel u qalilna li “Le, għadni ma ltqajtx mal-Papa Franġisku. Iltqajt mal-Papa Ġwann Pawlu II u mal-Papa Benedittu XVI, iżda ma’ Papa Franġisku għadni ma ltqajtx, allura qiegħed b’ħerqa kbira li nistennieh propju fil-bieb tal-knisja biex insellimlu u nilqgħu, b’dan id-dispożizzjoni interna li dan huwa għalija Pietru li qed jiltaqa’ hawnhekk fil-knisja ta’ Pawlu u jiena qisni qiegħed dan il-link bejn it-tnejn: San Pietru (li naturalment huwa l-Papa Franġisku) li qiegħed jiltaqa’ ma’ Pawlu hawnhekk fil-grotta, illi allura jien qiegħed bejn it-tnejn, niftaħ il-bieb lil Pietru biex jidħol u jiltaqa’ hawnhekk ma’ Pawlu fil-grotta tagħna. Hawnhekk ngħożżu tassew b’mod sabiħ fil-grotta l-preżenza ħajja ta’ San Pawl magħna”. 

Mistoqsi minn dan is-sit dwar it-tifsira ta’ din iż-żjara għall-Pawlini, Fr Joseph Mizzi qalilna li għall-Pawlini tar-Rabat għandha tifsira kbira. “Għalina hija t-tielet Papa li qed jiġi hawnhekk – diġà ġie fl-1990 Ġwanni Pawlu II, fl-2010 kien ġie Benedittu XVI. Niftakar lill-arċiprieti ta’ dak iż-żmien: Dun Benjamin Tonna fl-1990, Dun Luwis Suman fl-2010 — illum messet lili din ix-xorti li nilqgħu. Il-Papa qed jagħżel dal-post għax hawnhekk huwa ċ-ċentru tal-fidi Nisranija f’Malta. Hawn bdiet il-fidi Nisranija f’Malta, fir-Rabat. Pawlu għamel tliet xhur jgħix f’Malta meta ġie nawfragat waqt li kien sejjer Ruma, meta ġiet dik il-maltempata, ħabbtitu mal-gżira tagħna u tefgħetu hawn. X’għamel hawnhekk? Ġie milqugħ tajjeb mill-prinċep tal-gżira — il-Protos Publiju, u minn dakinhar Pawlu beda jfejjaq lil missier Publiju kif insibu fl-Atti tal-Appostli u fejjaq ukoll lill-Maltin. Għamel l-ewkaristija, xandar l-ewwel darba l-Kelma t’Alla u għammed l-ewwel Insara; jiġifieri hawnhekk għandna l-ewwel bidu tal-komunità Nisranija. Huwa li kien hawnhekk barra l-belt, hawnhekk kien qiegħed iżomm din il-komunità Nisranija illi kibret maż-żmien u nfirxet u li baqgħet dejjem ħajja. Minkejja l-istorja kollha li għaddiet minnha l-gżira Maltija, l-istorja li minnha għadda dejjem il-poplu Malti fl-Istorja, dejjem baqgħet ħajja dil-fidi. B’xi mod jew ieħor dil-fidi baqgħet dejjem ħajja u kostanti, u allura ż-żjara tal-Papa llum tfisser għalina li l-Papa se jkompli jsaħħaħna fil-fidi tagħna, fil-mixja mal-Mulej Ġesù, fit-tagħlim tal-Vanġelu — biex inkomplu naqbdu l-Vanġelu u nifhmu t-tagħlim tal-Vanġelu, u biex ukoll aħna bħal Pawlu nkunu missjunarji u evanġelizzaturi — dan li kien Pawlu hawnhekk”. 

Jisħaq li “Dal-priġunier Pawlu ma waqafx jipprietka, allavolja kien priġunier hawnhekk fi triqtu lejn Ruma biex jiġi sentenzjat mill-Imperatur. Ħa l-okkażjoni u pprietka. U aħna wkoll irridu nieħdu kull okkażjoni biex f’din il-laqgħa tagħna aħna nitħeġġu fil-fidi tagħna wara l-Mulej Ġesù u fil-ħidma tal-appostolat — li nkunu missjunarji wkoll”. 

“Barra minn hekk, il-Papa fil-laqgħa tiegħu hawnhekk se jiltaqa’ ma’ dawk li nsejħulhom membri tal-Caritas — ħa jiltaqa’ ma’ nies mid-Dar tal-Providenza, minn Dar ta’ Sawra, Merħba Bik, Hospice Malta, anki minn Cordin Correctional Facility; se jkun hawn varjetà ta’ nies rappreżentanti f’din il-knisja. Hawnhekk se jiltaqa’ ma’ dawk li l-Papa jħobb isejħilhom “l-emarġinati” fis-soċjetà tagħna, dawk li għaddejjin minn xi sitwazzjoni diffiċli, sitwazzjoni tqila, qegħdin f’xi dar ta’ kura — hawnhekk se jiltaqa’ magħhom il-Papa biex jagħmlilhom il-qalb, jagħmlilhom il-kuraġġ ukoll” jgħid Fr Joseph Mizzi.

Itenni li  “għalhekk it-tifsira tar-Rabat għandha tifsira speċjali għal qalb il-Papa. Mhijiex biss laqgħa ma’ Pawlu — hija wkoll għalina l-Pawlini, laqgħa fil-grotta ma’ Pawlu biex isaħħaħ lilna fil-fidi u jagħmilna missjunarji, imma għandha wkoll it-tieni tifsira li hija wkoll li jiltaqa’ ma’ dawk li fis-soċjetà tagħna huma mwarrbin, skartati, għaddejjin minn mument iebes u tqil. Bħalma mbagħad wara hawnhekk il-Ħadd filgħaxija se jiltaqa’ mal-emigranti u r-refuġjati fil-Laboratorju tal-Paċi. Il-Papa għandu dawn in-nies li huma ħafna għal qalbu. U allura lil dawn in-nies il-Papa jrid jarahom, mhux biss jisma’ fuqhom, imma jrid jarahom u jmisshom b’idejh. Fil-fatt se jkun hemm 20 rappreżentant minn dawn in-nies li qed insemmu tal-Caritas, tal-ħidma tad-djakonija, u dawn l-20 ruħ se jkunu qed jiltaqgħu u jsellmu lill-Papa personalment, hawnhekk fuq l-artal tagħna tal-Bażilika ta’ San Pawl tar-Rabat”.

Ekonomija

Sport