Waqt konferenza tal-aħbarijiet wara r-rebħ tal-Eurovision, Kalush Orchestra għamlitha ċara li l-kanzunetta tagħhom ma rebħitx minħabba l-gwerra. Huma qalu li għalkemm fl-aħħar ġimgħat il-kanzunetta kienet qiegħda żżomm pożizzjoni b’saħħitha fil-quċċata tal-favoriti li jerbħu l-festival, ‘Stefania’ kienet mal-favoriti sa minn qabel bdiet l-invażjoni.
Ir-rebbieħa qalu bir-rebħ tal-festival huma qegħdin jiċċelebraw l-arti u l-kultura li fl-aħħar xhur sfaw fil-mira ta’ attakki. “Permezz ta’ din ir-rebħa, grazzi għal dawk kollha li vvutawlna qegħdin inwasslu l-messaġġ li l-kultura tagħna hija ħajja u b’saħħitha”.
“Se nagħmlu minn kollox biex nospitaw lill-parteċipanti u lill-mistednin f’Mariupol f’Ukrajna ħielsa, paċifika u mibnija mill-ġdid!”
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky
F’reazzjoni fuq il-profil tiegħu l-President Zelensky qal li l-kuraġġ tal-Ukreni impressjona lid-dinja. Huwa kompla biex jikkonferma li s-sena d-dieħla l-Ukrajna se tkun qiegħda tospita l-Eurovision.