Saturday, December 21, 2024

“Ma rridux Russi li jkunu ċittadini Maltin sakemm dawn jibqgħu joqtlu poplu ieħor” – Il-Kap tal-PN, Bernard Grech

Aqra wkoll

F’mass rally fiż-Żurrieq il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, talab minuta silenzju biex jgħaddi messaġġ qawwi kontra l-invażjoni tar-Russi fl-Ukrajna. Issa li l-elezzjoni ġenerali fadlilha inqas minn xahar, Grech filwaqt li jemmen li ġurnata wara l-oħra l-PN qiegħed ikompli jissaħħaħ fost l-elettorat, qal li moħħna però ma jistax ma jkunx ukoll mal-poplu Ukren. 

“Ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem vjolenza mhux provokata. Għandna bżonn risposta li tinstema’ minn kullimkien. Ma nistgħux nagħmlu biss dak li tgħidilna l-UE,” insista Grech. Huwa qal li bħala pajjiż hemm bżonn li nkunu proattivi b’messaġġ ċar li barra l-għeluq tal-ispazju tal-ajru, irridu nikkanċellaw il-logħob tal-isports magħhom (ir-Russi) u nieqfu nbiegħulhom iċ-ċittadinanza tagħna, “għax aħna ma rridux Russi li jkunu ċittadini Maltin sakemm dawn jibqgħu joqtlu poplu ieħor”. 

F’dan ir-rigward il-Kap tal-PN insista li mill-aktar fis possibli għandna npoġġu l-pajjiż tal-Ukrajna fil-lista l-ħadra u ngħinu lil dan il-poplu “ħuna” b’assistenza umanitarja.

Fiż-Żurrieq Grech reġa’ tenna li huwa politiku ta’ kelma u jwettaq dak li jgħid. Għal darba darbtejn huwa xejjer il-manifest elettorali Nazzjonalista fejn sostna li bħala partit huma kburin bil-viżjoni tagħhom li, skont huwa, ta’ kuljum qiegħed isir aktar evidenti li hija l-unika triq li għandu dan il-pajjiżna. “Il-poplu qiegħed jurina li qiegħed jogħoġbu aktar u l-elezzjoni hija l-ġurnata li fiha se nitolbuk toħroġ minn darek biex tagħti l-fiduċja tiegħek lill-PN. Wasal iż-żmien li nerġgħu niggvernaw,” sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni. 

Grech elenka għadd ta’ proposti tal-PN fosthom dik tal-€1 biljun investiment biex jinħolqu 10 setturi ekonomiċi ġodda, il-ħarsien u s-sostenibbiltà tal-ambejnt, il-progress soċjali u tan-negozji, tnaqqis ta’ taxxi, żieda fl-istipendju, kif ukoll opportunitajiet għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Il-Kap tal-PN wiegħed jekk il-poplu fis-26 ta’ Marzu jagħtih il-fiduċja, ladarba fil-Gvern, huwa jibda jimplimentah.

Bernard Grech qal li, “wellidna kampanja li mhux biss hija pożittiva, iżda li ta’ kuljum qiegħda timla aktar nies b’konvinzjoni li bdejna viżjoni għal Malta… viżjoni li tassew għandna bżonn. Għamilna mijiet ta’ proposti għax nafu xi jrid il-poplu u x’għandu bżonn il-pajjiż. Gvern Nazzjonalista mmexxi minna mhux il-prezzijiet ikunu għoljin, imma l-pagi tagħkom”.

Fl-intervent twil tiegħu Bernard Grech irringrazzja lil dawk kollha li taw donazzjoni fil-maratona tal-ġbir ta’ fondi li saret fejn inġabret is-somma ta’ €541,000, somma li se tkompli tgħinhom fl-attività politika tagħhom u biex iwasslu aktar il-viżjoni tal-PN. 

Ekonomija

Sport