Saturday, December 21, 2024

“Ma ssibx biżżejjed Maltin jaħdmu f’dan il-qasam”… Bżonn ta’ infurzar biex jiġu regolarizzati l-‘couriers’

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Minn meta pajjiżna ntlaqat mill-pandemija, kważi sena u 11-il xahar ilu, kiber sew f’pajjiżna is-settur tal-‘couriers’, dawk il-ħaddiema li jwasslu ikel fid-djar wara li jkunu saru l-ordnijiet. Hu qasam li llum hu stmat li qed iħaddem xejn inqas minn 1,000 ħaddiema, il-maġġoranza assoluta tagħhom ħaddiema minn pajjiżi terzi, fosthom in-Nepal u l-Indja. Is-settur ma kienx regolat u bdew iqumu diversi mistoqsijiet dwar kif qed jiġu impjegati u mħallsin dawn il-ħaddiema. L-awtoritajiet ħadmu biex dan is-settur ikun regolat u l-ħaddiema jkunu intitolati għall-benefiċċji kollha. Talk.mt tinsab infurmata li grupp ta’ kumpaniji, fosthom RecruitGiant u WFDM, ingħaqdu flimkien biex joħolqu qafas regolatorju ta’ kif għandhom jitħaddmu u jitħallsu dawn il-ħaddiema. Saret laqgħa dwar dan anke mad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali. Minkejja r-rieda ta’ dawn il-kumpaniji, illi jixtiequ jaħdmu f’suq fejn kulħadd jopera taħt l-istess kundizzjonijiet hemm xi kumpaniji li jidher li mhux lesti jidħlu f’sistema simili. Min-naħa tagħhom il-kumpaniji li jridu jirregolaw qegħdin jenfasizzaw li jekk mhux se jkun hemm infurzar mill-awtoritajiet dan is-settur ma jistax ikun regolarizzat. 

Talk.mt tkellmet ma’ Tomas Mikalauskas, Kap Eżekuttiv ta’ RecruitGiant. Hu qalilna li “qed nispiċċaw inġibu ħaddiema barranin, li dawn biex inġibuhom jiswewlna madwar €1,500, apparti dewmien biex jinħarġu permessi, u mbagħad dawn jispiċċaw imorru ma’ dawk li qed iħallsu bi flus kontanti u fejn m’hemmx struttura marbuta mal-pagi li tinkludi ħlas ta’ NI u sahra. L-appell tagħna hu li biex dan is-settur ikun regolarizzat u jkun hemm kundizzjonijiet ġusti għal kulħadd, hemm bżonn l-infurzar”.

Hu qalilna li “dan hu qasam li għadu ġdid għal Malta. Faċilment l-impjiegi fih jitilgħu għal 3,000 impjieg jew aktar.  Is-settur ma kienx regolat. Bħala grupp ta’ kumpaniji ħassejna li għandna ningħaqdu flimkien biex niftehmu fuq sett ta’ standards ta’ kif nimpjegaw u nħaddmu lill-ħaddiema.  Kellna laqgħa mal-Ministru Carmelo Abela u anke sar qbil bejn id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u l-operaturi. Qed niddiskutu wkoll din il-kwistjoni mal-Kamra Maltija għall-Intrapriżi Żgħar u Medji biex nidentifikaw kif nistgħu nimxu ‘l quddiem..”

Hu saħaq li “minkejja din l-inizjattiva min-naħa tagħna, hemm ċerti operaturi li mhux interessati li jkun hemm ċertu standards u qed jibqgħu jinsistu li jaħdmu mingħajr kontroll. Minħabba dan hu diffiċli li jkun hemm standards f’dan il-qasam. Din l-attitudni ta’ dawn il-kumpaniji għandha impatt negattiv kemm fuq il-ħaddiema stess għax tħallihom f’pożizzjoni ta’ xogħol prekajru, kif ukoll għall-operaturi ta’ rieda tajba għax qed jispiċċaw jitilfu ħaddiema.”

Tomas Mikalauskas enfasizza li “quddiem din is-sitwazzjoni qed nispiċċaw inġibu ħaddiema minn barra imma dawn, għax ħaddiehor li m’għandux standards iħallas bi flus kontanti, jitilqulek u jmorrru miegħu. Dan meta inti biex tkun ġibthom tkun għaddejt minn proċess sħiħ u jkunu swewlek madwar €1,500. Dawn l-operaturi qed jħallsu bi flus kontanti peress li ma jkunux qed iħallsu l-NI, u sahra fost oħrajn.

Enfasizza li “l-istandards qegħdin hemm u maqbulin mal-gvern. Imma il-mument li nibdew inħaddmuhom, u ħaddieħor jibqa’ jaħdem bla standards, dan ikun ifisser li aħna nitilfu ħafna xogħol fi żmien qasir. Irridu li l-gvern u d-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali jappoġġjawna biex indaħħlu dawn l-istandards u jkun ambjent ta’ kompetizzjoni ġusta għal kulħadd.  Irridu li jkun hemm infurzar. Jekk mhux se jkun hemm infurzar mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali, hu impossibbli li jiddaħħlu dawn is-set ta’ standards. Dan ifisser li għandna ħaddiema li se jibqgħu fil-prekarjat”.

Mistoqsi dwar ħaddiema Maltin f’dan is-settur, il-Kap Ezekuttiv qalilna li “dan hu xogħol li l-Maltin ma jridux jagħmluh. Il-ħaddiema huma kollha barranin.”

Ekonomija

Sport