Tuesday, December 24, 2024

“Ma stajniex ma nonorawhx … mal-mewt tiegħu għamilna t-tibdil kollu meħtieġ”

Is-Sindku ta’ Pembroke dwar l-isem tat-triq imsemmija għal Joseph Zammit

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Konna diġà ressaqna isem alternattiv f’Awwissu li għadda, iżda mal-mewt tal-uffiċjal Joseph Zammit – li miet waqt ħidma ta’ tifi ta’ nirien fil-lokalità tagħna – bħala Kunsill Lokali biddilna l-proposta”. Iddikjara dan is-Sindku ta’ Pembroke Dean Hili ma’ dan is-sit wara li l-Ġimgħa li għaddiet ġie ppubblikat l-isem uffiċjali ta’ Triq Joseph Zammit fil-gazzetta tal-gvern. 

Is-Sindku Hili qalilna li minħabba li din it-triq tmiss mal-lokalità ta’ San Ġiljan, bħala Kunsill kellhom bżonn l-approvazzjoni tagħhom ukoll, iżda kkonferma li kien hemm qbil minnufih. Barra minn hekk bħala Kunsill kellhom jikkomunikaw mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex ikunu jistgħu jingħataw il-kunsens mingħand il-familja ta’ Zammit.

F’Ottubru li għadda l-Kumitat tal-ismijiet tat-toroq irrikonoxxa l-proposta mressqa aktar qabel u wara l-pubblikazzjoni uffiċjali, issa ġiet ordnata wkoll il-plakka bl-isem il-ġdid tat-triq.

Zammit kien pumpier umli u rispettat ħafna li ta sehmu f’operazzjonijiet kbar bħalma kien is-salvataġġ ta’ persuni li sabu rwieħhom f’diffikultà kawża tal-qilla tal-baħar waqt maltempata. Wara l-mewt ta’ Zammit, ħabib tiegħu kien żvela magħna kif fil-verità l-midja kienet iffukat fuq l-att erojku ta’ persuna oħra meta fil-verità filmat imxandar fuq l-istazzjon nazzjonali kien wera lil Zammit tiela’ għasra jevita l-cameras għax għalih l-attenzjoni kienet xi ħaġa sekondarja wara li jaċċerta li jaqdi dmiru bl-aħjar mod.

Ekonomija

Sport