Monday, December 23, 2024

“Ma stajtx noqgħod sieket għax mhux lest inħalli s-sovranità tal-poplu tintilef”

Aqra wkoll

“Ma stajtx noqgħod sieket għax mhux lest inħalli s-sovranità tal-poplu tintilef. Bħala kap tal-ezekuttiv għandi obbligu kostituzzjonali li neżerċitaw checks and balances fuq żewġ pilastri oħra tad-demokrazija, bħal kif dawn għandhom l-obbligu tac-checks and balances fuq l-eżekuttiv”

Dan iddikjarah il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela waqt intervista li saritlu f’Misraħ is-Summit, f’Birżebbuġa, fejn qal ukoll li l-inkjesta bdiet erba’ snin u nofs ilu, suppost bil-liġi din riedet tingħalaq f’sittin ġurnata.

Fid-diskors tiegħu, il-PM Abela qal li kellu indikazzjonijiet ċari li l-għeluq tal-inkejsta kien se jaħbat u jintuża biex jikkundizzjona t-timeline elettorali, jiġifieri r-riżultat tal-elezzjonijiet. Hawnhekk żied jgħid li dak li qal tliet xhur ilu, seħħ eżatt mat-tluq tal-kampanja elettorali. 

Fir-rigward tal-Qorti, Abela tenna li minn dak li qed jisma, mill-kurituri tal-Qrati, li hemm membri tal-ġudikatura diżappuntati kif l-interferenza fuq proċess li suppost huwa wieħed biss tar-retta amministrazzjoni tal-ġustizzja, iddaħħal fid-dibattitu politiku. 

Dwar dan, il-PM qal ukoll li dik hi inġustizzja fuq tant membri tal-ġudikatura, li mal-mument li ħadu l-ġurament, elevaw lilhom infushom mit-twemmin personali politiku tagħhom. Esprima li jinsab kuntent li pajjiżna għandu ġudikatura li fil-maġġorparti tagħha rnexxielha televa lilha nfisha ‘l fuq mill-kulur partiġġjan politiku.

Irrimarka li huwa żgur hu li l-Qorti li se tisma dawn il-każijiet trid timxi bi preżunzjoni waħda li kulħadd jitlaq minn preżunzjoni tal-innoċenza u li kulħadd irid jitħalla jiddefendi lilu nnifsu. Hawnhekk qal ukoll li jittama li mhux minnu dak li qed jingħad li l-inkjesta telqet minn punt ta’ preżenzjoni ta’ ħtija fil-konfront ta’ wħud minflok preżunzjoni ta’ innoċenza. 

Waqt li kien qed jiġi intervistat, il-PM għamel referenza li dalgħodu saret it-tnedija tal-kadidati li se jikkontestaw għall-Parlament Ewropew, f’isem il-Partit Laburista. Dwar il-kandidati, Abela qal li dawn id-disa’ persuni huma favur Malta u li huwa kburi ħafna bihom. 

Il-PM tenna li d-disa’ kandidati ġejjin minn sferi differenti, nies differenti riflessivi tas-soċjeta wiesgħa wkoll jingħaqdu għal għan komuni dak li għalihom Malta l-ewwel u qabel kollox.

Il-Prim Ministru ma naqasx milli jitkellem dwar l-investiment f’Birżebbuġa, il-lokalità fejn saret l-intervista.

“Jien nemmen li dak kien is-sigriet tas-suċċess ta’ dan il-moviment fl-aħħar ħdax-il sena, li konna viċin ir-realtajiet tan-nies, li t-talbiet tagħhom ħdimna biex dawwarnihom fit-twettiq tal-aspirazzjonijiet tagħhom u nemmen li dak irid jibqa’ jkun is-sigriet ta’ dan il-moviment, li nkunu viċin ir-realtajiet tan-nies, li nkunu umli, li nindirizzaw il-ħtiġijiet tan-nies. Fuq kollox it-8 ta’ Ġunju tfisser ukoll l-approvazzjoni ta’ pjanijiet li għandna għal kull wieħed u waħda mill-komunitajiet u lokalitajiet tagħna, dakinhar nagħtu vot b’saħħtu ħafna biex hawnhekk ukoll inkomplu nsaħħu lin-nies ta’ Birżebbuġa u nsaħħu lil Malta tagħna.”

Ekonomija

Sport