Wednesday, July 24, 2024

MA XHIEX TQABBEL PAJJIŻ?

Aqra wkoll

Biex tifhem il-ħsus tal-politika ta’ pajjiż jew biex tgħaddi ġudizzju dwar il-politika li jsegwi, kemm hu utli li tqabblu ma’ bniedem? Kelli nistaqsi lili nnifsi dil-ħaġa f’diskussjoni dwar strateġiji politiċi varji fejn intużat dit-tqabbila.

Personalment ma narahiex tagħmel sens; jew talanqas li tista’ twassal ’il bogħod biżżejjed, sakemm wieħed ma jridx jaqta’ fil-qasir. Nazzjon, pajjiż, komunità etnika ma jaġixxux qishom kienu persuna waħda. Iħaddnu fihom il-ħajja, il-fehmiet u l-aspettattivi ta’ mijiet ta’ eluf… ta’ miljuni ta’ bnedmin miġbura fi klassijiet, saffi soċjali, organizzazzjonijiet reliġjużi, kummerċjali, politiċi u ma nafx xhiex aktar. Il-ħajja u l-politika mmexxija minn dawn l-entijiet kumplessi ma titqabbilx mal-imġiba ta’ mara jew raġel kwalunkwe.

L-istorja ta’ komunità nazzjonali ttul aktar minn dik ta’ bniedem. L-istess jista’ jintqal għas-sens ta’ eżistenza tagħha, għall-“memorja” ta’ xinhu tajjeb, xinhu ħażin, x’irid jitpatta u xi jrid jitnessa. Biex tifhem pajjiż, trid tifhmu bħala pajjiż, mhux bħala xi Ċikku jew Wenza.

SIGRIET

Sa issa, l-aktar ħaġa li skantatni fis-saga tal-isptarijiet kienet kif kulħadd jistqarr li r-rapport tal-maġistrat li mexxiet l-inkjesta relattiva kien wieħed sigriet. Biss, “kulħadd” donnu kien jaf xinhuma l-konklużjonijiet ewlenin tiegħu.

Tassew li kull ħajt f’dal-pajjiż għandu widna u kull tieqa għandha għajn, imma jidher ċar li jeżistu metodi stabbiliti ta’ kif informazzjoni sensittiva, suppost kunfidenzjali, titwassal fejn m’għandhiex tasal biex jintlaħqu ċerti għanijiet.

Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar sirt nemmen li dawn l-għanijiet huma marbuta ma’ rieda biex xejn ma jinqata’, biex kollox jibqa’ sospiż, ħalli kull naħa tista’ tkompli bl-allegazzjonijiet u bid-difiżi tagħha, mingħajr ma qatt tiġi deċiża l-verità, naħa jew oħra.

IL-MEDITERRAN U L-EWROPA

Il-Mediterran sar pjuttost marġinali għall-Unjoni Ewropea. Sempliċement qed jitqies bħala r-reġjun minn fejn qed l-aktar jaslu immigranti “irregolari” u bnedmin li jfittxu l-ażil. L-inizjativi li qed jittieħdu huma maħsuba biex “jgħinu” lill-pajjiżi tas-sud iwaqqfu u jżommu għandhom dawn l-immigranti. Fost oħrajn, ftehimiet dwar hekk ġew konklużi mat-Tuniżija, l-Eġittu u l-Libanu.

Sadattant, l-ideat tal-imgħoddi ta’ sħubija u koperazzjoni bejn l-inħawi kollha tal-Mediterran donnhom jitqiesu… bħala ideat tal-imgħoddi! Ftit li xejn hemm rankatura wara l-proġetti li jissemmew f’dal-qasam. L-interess tal-Unjoni Ewropa hu ffokat l-aktar biex il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni mal-pajjiżi tas-sud jinżammu f’posthom.

L-Ewropej donnhom mhumiex jagħtu każ ta’ fattur li se jkollu effett qawwi fuq il-pajjiżi tal-Mediterran tas-sud. Tispiċċa kif tispiċċa l-gwerra tal-Gaza, se tqanqal ċaqliq politiku qawwi fil-pajjiżi Għarab. Jekk ma jiġrix fil-kanċelleriji tal-gvernijiet, se jqum bil-kbir fit-toroq tal-ibliet.

Ekonomija

Sport