Wednesday, July 24, 2024

ACN f’Malta: Għax snin ta’ ħidma u bini mill-ġdid ta’ ħajjiet

Aqra wkoll

Illum it-13 ta’ Mejju 2024 jaħbat l-għaxar anniversarju tal-Aid to the Church in Need f’Malta. Għaxar snin ilu llum, din il-Fondazzjoni Pontifiċia, magħrufa wkoll bħala ACN (Malta) fetħet l-uffiċju tagħha li jinsab f’35/3 Triq l-Mdina, Ħ’Attard.

Dawn kienu għaxar snin ta’ ħidma kontinwa favur Kristjani ppersegwitati u diskriminati f’diversi pajjiżi. Dawn l-Kristjani tilfu kollox minħabba gwerer, faqar u persekuzzjonijiet.

Stephen Axisa mill-uffiċċju tal-ACN (Malta) qal: “Inħarsu lura lejn dawn is-snin bi gratitudni, għax ġejna fdati b’din il-ħidma importanti li nsalvaw il-ħajjiet. Nirringrazzjaw lill-benefatturi u lill-promoturi tagħna f’Malta u Għawdex, għal qalb tajba, il-ġenerożità u s-solidarjetà tagħhom matul dawn is-snin. B’hekk ippermettew lill-organizzazzjoni tagħna (VO / 2227) twettaq l-impenn tagħna ta’ mħabba favur dawn il-Kristjani li għaddejjin minn tbatijiet kbar. Dawn il-Kristjani jħarsu lejna bħala l-uniku sors għalihom ta’ tama u ta’ għajnuna.”

Matul dawn l-aħħar għaxar snin, l-ACN (Malta) ingħaqdet ma’ 23 uffiċju nazzjonali ieħor ta’ Aid to the Church in Need, li hi bbażata fil-Ġermanja. Din qed tiffinanzja aktar minn 5,000 proġett kull sena f’aktar minn 140 pajjiż.

Matul is-snin, l-ACN (Malta) għenet għexieren ta’ eluf ta’ familji Kristjani, tfal, żgħażagħ, anzjani, saċerdoti u sorijiet billi tathom ċans li jittamaw u jkomplu jgħixu f’ambjenti diffiċli.

Proġetti reċenti jinkludu għajnuna ta’ emerġenza għall-Ukrajna – li tipprovdi ikel, kenn u bżonnijiet essenzjali għal nies spostati kif ukoll li tagħti l-mezzi lill-Knisja Kattolika Ukrena biex tieħu ħsieb dawn il-Kristjani.

Proġett ieħor huwa dak ta’ Ġerusalem tal-Lvant u f’Gaża. Minn Ottubru 2023, is-sitwazzjoni f’dawn iż-żoni marret għal agħar drastikament. It-turiżmu lejn Ġerusalemm waqaf mal-ewwel. Dan ifisser li l-komunità Kristjana li kienet tiddependi minn dan it-turiżmu spiċċat bla xogħol. Għalhekk qed ikollhom problemi biex jixtru l-ikel bażiku ta’ kuljum u l-mediċini, iħallsu l-kera, kif ukoll il-miżati tal-iskola ta’ uliedhom. Qed jirriskjaw ukoll mhux biss il-ġuħ u n-nuqqas ta’ edukazzjoni għal uliedhom, iżda wkoll it-theddida li saħansitra jitkeċċew minn djarhom stess minn sidien il-kera.

Is-sitwazzjoni f’Gaża hija ferm agħar minn hekk għall-komunità Kattolika f’dik iż-żona. Djarhom ġew ibbumbardjati u ħafna minnhom tkeċċew mill-inħawi fejn kienu jgħixu. L-ebda xogħol, l-ebda edukazzjoni, u l-ebda qligħ reali qed iwasslu lil dawn il-Kristjani f’qagħda ddisprata.

L-ACN qed tgħin lil dawn il-Kristjani kemm f’Ġerusalemm tal-Lvant kif ukoll f’Gaża biex ikunu jistgħu jgħixu f’dawn is-sitwazzjonijiet diffiċli immens.

L-influss ta’ Kristjani spostati fil-Libanu flimkien mal-kriżi ekonomika Lebaniża tefgħet 70 fil-mija tal-popolazzjoni fil-faqar. L-ACN qed taħdem mal-Knisja Lebaniża biex tiddentifika u tgħin dawk l-aktar fil-bżonn. Din il-ħidma tinkludi wkoll li l- iskejjel Kattoliċi jibqgħu miftuħa billi tipprovdi provvisti tal-iskola, ikliet sħan għat-tfal u għajnuna finanzjarja ta’ emerġenza għall-għalliema.

Minbarra proġetti li twettaq, l-ACN (Malta) hija vuċi għall-Kristjani ppersegwitati billi xxandar l-istejjer tagħhom, ħalli l-pubbliku jkun jaf minn liema tbatijiet għaddejjin. Dan l-aħħar, l-ACN (Malta) bdiet sensiela ta’ 13-il programm televiżiv ta’ kull ġimgħa fuq l-istazzjon UTV, bl-isem “Solidarjetà ma’ Ħutna Ppersegwitati”. Dawn il-programmi, li fihom filmati interessanti minn diversi pajjiżi, jixxandru kull nhar ta’ Tlieta fil-5.30pm.

Stephen Axisa qal “Qed inħarsu lejn il-futur b’ħeġġa u b’impenn biex inkomplu l-ħidma tagħna. Nixtiequ nappellaw lin-nies ta’ rieda tajba f’Malta u Għawdex biex jingħaqdu magħna f’din il-ħidma li ssalva l-ħajjiet ta’ Kristjani tassew fil-bżonn madwar id-dinja.”

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok ċempel 21487818, 7999 9969, jew ibgħat imejl: [email protected]

Għal donazzjonijiet biex jgħinu Kristjani f’sitwazzjonijiet ta’ emergenza bħal f’Ukrajna, Gasa u Ġerusalemm tal-Lvant, ġentilment żur https://www.acnmalta.org/donate/

Ekonomija

Sport