Il-Perù għalaq is-sit turistiku famuż tiegħu Machu Picchu b’mod indefinit minħabba l-protesti li għaddejjin bħalissa kontra l-president il-ġdid tal-pajjiż. Il-Gvern qal li għalaq is-sit, u t-tlugħ li jwassal għalih, biex jipproteġi lit-turisti u ċ-ċittadini.
Mijiet ta’ persuni li kien ilhom maqbuda għal sigħat sħaħ hemm issa ġew salvati. Il-protesti vjolenti, li raw għexieren ta’ nies maqtula, bdew wara li tkeċċa l-mexxej preċedenti tal-Perù.
Is-servizzi tal-ferroviji lejn Machu Picchu ġew sospiżi nhar il-Ħamis wara xi ħsara li saru fil-linji tal-ferrova, allegatament minn dimostranti. F’konferenza tal-aħbarijiet li indirizza s-Sibt, il-Ministru tat-Turiżmu Luis Fernando Helguero qal li kien hemm 418-il persuna maqbuda fis-sit.
Madankollu, is-Sibt filgħaxija, il-Ministeru tat-Turiżmu ħabbar li l-persuni kollha kienu evakwati u trasferiti b’mod sigur fuq ferroviji u karozzi tal-linja.