Wednesday, July 23, 2025

Macron jemmen li l-kunflitt fl-Ukrajna jista’ jiġi evitat

Aqra wkoll

Il-President Franċiż Emmanuel Macron qal li jemmen li jista’ jintlaħaq ftehim li jevita gwerra ġewwa l-Ukrajna filwaqt li tenna li huwa leġittimu għar-Russja li tqajjem tħassib dwar is-sigurtà tagħha. 

Hekk kif ilbieraħ Macron kien qiegħed iħejji għal laqgħa mal-President Russu Vladimir Putin qal li hemm bżonn ta’ “bilanċ ġdid” li jipproteġi lill-Istati Ewropej u li jikkuntenta lir-Russja. Huwa saħaq iżda li s-sovranità tal-Ukrajna qatt mhi se tkun xi ħaġa li tiġi nnegozjata. 

Dan kollu qiegħed iseħħ hekk kif ir-Russja skjerat eluf ta’ truppi mal-fruntiera tal-Ukrajna fejn ħafna qed jissuspettaw li Moska qiegħda tippjana li tinvadi. Min-naħa tagħha, ir-Russja ċaħdet li għandha din l-intenzjoni. Ir-Russja għamlet numru ta’ talbiet lill-pajjiżi tal-Punent hekk kif hija qiegħda tħossha mhedda bil-preżenza tan-NATO fuq l-għatba tagħha.

Fost it-talbiet tagħha kien hemm li l-Ukrajna qatt m’għandha tkun pajjiż tan-NATO, filwaqt li din l-alleanza militari tnaqqas il-preżenza tagħha fil-Lvant tal-Ewropa. Il-pajjiżi tal-Punent jidher li ma qablux ma’ dawn it-talbiet hekk kif skonthom kull pajjiż għandu l-libertà li jissieħeb fin-NATO u minflok huma fetħu d-diskussjoni ta’ negozjati fuq punti oħrajn fosthom it-tnaqqis tal-armi nukleari.

Meta kien qiegħed jitkellem mal-ġurnal Franċiż Journal du Dimanche, Macron ikkjarifika li l-objettiv tar-Russja “mhuwiex l-Ukrajna iżda kjarifika tar-regoli man-NATO u l-Unjoni Ewropea.”

Sport