Mill-anqas terz minn fost grupp ta’ madwar 270 balena mietu wara li spiċċaw mitlufin f’baħar baxx ’il barra minn Tasmania.
Skont l-uffiċjali tas-salvataġġ fl-Awstralja mhux eskluż li l-ammont ta’ baleni li jmutu jikber anke jekk il-ħidma fil-post hija waħda kontinwa. Jidher li fl-aħħar sigħat il-membri tas-salvataġġ irnexxielhom isalvaw mal-25 balena u qegħdin jagħmlu minn kollox biex isalvaw oħrajn lura fil-baħar.
Dawn il-baleni ntlemħu f’baħar baxx ’il barra mill-kosta tal-Punent tal-gżira.
S’issa mhux magħruf x’seta’ wassal biex il-baleni spiċċaw mal-kosta. Skont bijoloġisti tal-baħar dan is-salvataġġ mistenni jieħu ġranet.
L-aħħar darba li Tasmania rreġistrat baleni li spiċċaw mitlufin fi kwantità kbira kien fl-2009 b’madwar 200 balena involuti.