Xena spettakolari fuq Christmas Island, territorju Awstraljan fl-Oċean Indjan, hekk kif miljuni ta’ granċijiet ħomor bdew il-vjaġġ annwali tagħhom mill-foresti lejn il-baħar biex jirriproduċu.
Skont ABC News, kull sena madwar 100 miljun granċ jagħmlu din il-migrazzjoni, li tibda mal-ewwel xita tal-istaġun.
Matul dan il-perjodu, ċerti toroq jingħalqu għat-traffiku, filwaqt li r-residenti jnaqqsu l-veloċità u jieħdu prekawzjonijiet biex jipproteġu lill-granċijiet. Fuq il-gżira nbnew ukoll pontijiet speċjali biex dawn ikunu jistgħu jaqsmu t-toroq b’mod sigur.
Din is-sena, għall-ewwel darba, Parks Australia qed ixandar il-migrazzjoni b’mod dirett fuq l-internet, biex persuni minn madwar id-dinja jkunu jistgħu jsegwu dan il-fenomenu naturali.




