Friday, May 8, 2026

Madwar 12,000 kontribut fil-konsultazzjoni pubblika dwar it-tliet parks nazzjonali

Pass ieħor biex il-White Rocks jitgawda min-nies

Aqra wkoll

Saru l-ewwel xogħlijiet biex żoni fil-White Rocks ikunu siguri u aċċessibbli għall-pubbliku. Dan tħabbar mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli, flimkien mat-tim ta’ Project Green. Illum saret ukoll il-preżentazzjoni tar-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika Shape Your Space u l-pjan ’il quddiem għat-tliet parks nazzjonali: White Rocks, Manoel Island u Fort Campbell.

Il-konsultazzjoni, li saret bejn Diċembru u April permezz tal-pjattaforma ParksinMalta.mt, ġabret aktar minn 6,000 sottomissjoni. Kif ukoll, matul dan il-proċess, Project Green organizzat madwar 100 workshop u focus groups ma’ mijiet ta’ residenti, studenti, familji, anzjani, Kunsilli Lokali u NGOs, fejn kien hemm madwar 6,000 parteċipanti oħra.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li grazzi għal dan il-proċess illum hemm direzzjoni ċara dwar il-prijoritajiet tal-komunitajiet. Hija enfasizzat li l-ispazji miftuħa huma ċentru tal-ħajja komunitarja, fejn il-familji jiltaqgħu, it-tfal jilgħabu u l-komunità tingħaqad. 

“Din hija l-politika li rridu nwettqu: politika li ma tħallix art pubblika mitluqa u magħluqa għan-nies. Art pubblika għandha tintuża għall-ġid pubbliku. Fejn hemm bżonn xogħol, dak ix-xogħol isir b’fażijiet, b’responsabbiltà u b’għan ċar. Illum nistgħu ngħidu li l-White Rocks huwa miftuħ b’mod sigur biex jitgawda mill-pubbliku. U minn hawn inkomplu naħdmu biex dan is-sit jinbidel fi spazju nazzjonali miftuħ, sigur, aċċessibbli u denju għall-pajjiż,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Bħala parti mill-ewwel fażi ta’ dan il-proċess, fil-White Rocks saru xogħlijiet ta’ tindif u sigurtà, fosthom it-tneħħija ta’ aktar minn 22,000 tunnellata ta’ skart tal-kostruzzjoni u strutturi perikolużi. Ġew installati wkoll fencing, sinjali u bankijiet għall-pikniks sabiex il-pubbliku jkun jista’ jidħol fis-sit b’mod aktar sigur u organizzat.

Il-ftuħ ta’ White Rocks se jagħti lill-komunità l-opportunità li terġa’ tiskopri l-potenzjal ta’ dan is-sit, tapprezza l-ambjent eżistenti u tibda timmaġina x’jista’ jinkiseb fil-fażi ta’ riġenerazzjoni li jmiss.

Il-potenzjal tal-White Rocks se jibda jidher ukoll permezz ta’ attivitajiet pubbliċi fuq is-sit, fosthom is-Spring Festival, li se jsir fis-16 u s-17 ta’ Mejju. 

Il-kontribuzzjonijiet li waslu permezz tal-konsultazzjoni kienu konsistenti u konkreti. Il-pjan ħolistiku għal dawn it-tliet proġetti qed jitfassal flimkien ma’ Chapman Taylor, ditta internazzjonali b’13-il studio madwar id-dinja.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Joseph Cuschieri, spjega li l-għan tal-kampanja kien li l-pubbliku jinstema’ qabel ma jibda d-disinn. Huwa qal li s-smigħ attiv ta’ studenti, żgħażagħ, familji, anzjani, Kunsilli Lokali u NGOs wassal għal sett ta’ ideat konkreti li issa se jiġu riflessi fil-pjanijiet ta’ riġenerazzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport