Friday, May 8, 2026

L-Ispeaker jappella għal diplomazija parlamentari aktar b’saħħitha

Aqra wkoll

F’diskors li għamel waqt is-Summit tal-Ispeakers tal-Assemblea Parlamentari tal-Mediterran (PAM) f’Budva, il-Montenegro, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti ta’ Malta, Anġlu Farrugia, enfasizza fuq l-importanza tad-diplomazija parlamentari bħala pedament għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi. 

Meta kien qed jindirizza dibattitu dwar id-Diplomazija Parlamentari bħala Pilastru tar-Reżiljenza tal-Istituzzjonijiet Demokratiċi, Dr Farrugia tkellem dwar l-isfidi li jaffaċċjaw id-demokraziji madwar id-dinja, fosthom l-instabbiltà ġeopolitika, it-tixrid ta’ informazzjoni falza u t-tnaqqis fil-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet.

Huwa saħaq li d-diplomazija parlamentari għandha rwol vitali fil-promozzjoni tad-djalogu, fit-tisħiħ tar-responsabbiltà, u fit-titjib tal-kooperazzjoni bejn in-nazzjonijiet. “Id-diplomazija parlamentari trid tmur lil hinn mid-djalogu. Trid twassal għal riżultati konkreti u li jistgħu jitkejlu, li jtejbu l-ħajja taċ-ċittadini tagħna,” stqarr Dr Farrugia.

L-Ispeaker Farrugia reġa’ kkonferma l-impenn fit-tul ta’ Malta lejn il-kooperazzjoni internazzjonali, filwaqt li nnota li l-pajjiż kellu rwol ewlieni fit-twaqqif tal-PAM fl-2006. Huwa ddeskriva l-Assemblea bħala pjattaforma kruċjali biex jiġu indirizzati sfidi reġjonali, fosthom is-sigurtà, il-migrazzjoni, l-iżvilupp ekonomiku, it-tibdil fil-klima, u d-djalogu interkulturali.

Filwaqt li rrifletta fuq l-20 anniversarju tal-Assemblea, huwa appella għal aktar ambizzjoni u effettività sabiex l-istituzzjoni tibqa’ rilevanti, kredibbli, u reattiva għall-aspettattivi taċ-ċittadini.

Huwa enfasizza wkoll fuq l-importanza tal-inklussività, billi saħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa, iż-żgħażagħ, u gruppi sotto-rappreżentati fil-proċessi parlamentari. Fl-għeluq tad-diskors tiegħu, l-Ispeaker Farrugia appella għal kollaborazzjoni kontinwa bejn il-parlamenti madwar id-dinja sabiex jiġu mħarsa l-valuri demokratiċi u msaħħa s-sħubijiet internazzjonali.

Sadanittant, fil-marġini tas-Summit tal-Ispeakers, l-Ispeaker Farrugia kellu laqgħa bilaterali ma’ Shalva Papuashvili, President tal-Parlament tal-Ġeorġja. Matul il-laqgħa, iż-żewġ naħat iddiskutew is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani u enfasizzaw l-importanza tal-ħarsien tal-liġi internazzjonali bħala pedament għaż-żamma tal-ordni u l-istabbiltà globali.

L-Ispeaker Farrugia nnota li Malta qed issegwi mill-qrib l-iżviluppi fl-Istrett ta’ Hormuz, wara attakk mill-ajru fuq bastiment tal-merkanzija li jtajjar il-bandiera Maltija nhar it-Tlieta li għadda, waqt li kien qed jgħaddi mill-ibħra territorjali tal-Oman.

Huwa reġa’ tenna li Malta tappoġġja bis-sħiħ il-libertà tan-navigazzjoni bħala prinċipju fundamentali tal-liġi internazzjonali, essenzjali għall-istabbiltà globali u l-prosperità ekonomika, partikolarment f’korsiji marittimi strateġiċi bħall-Istrett ta’ Hormuz. 

Fil-marġini tas-Summit tal-Ispeakers, Angelo Farrugia ltaqa’ wkoll ma’ Hassan bin Abdullah Al Ghanim, Speaker tal-Kunsill tax-Shura tal-Qatar. Matul il-laqgħa tagħhom, iż-żewġ naħat ikkonfermaw mill-ġdid ir-relazzjonijiet bilaterali b’saħħithom bejn Malta u l-Qatar, filwaqt li skambjaw fehmiet dwar is-sitwazzjoni li qed tevolvi u tibqa’ volatili fil-Lvant Nofsani. 

L-Ispeaker Farrugia faħħar ir-rwol tal-Qatar fl-isforzi ta’ medjazzjoni relatati mal-kunflitt f’Gaża, filwaqt li enfasizza l-importanza tad-djalogu u l-impenn diplomatiku fil-promozzjoni tat-tnaqqis tat-tensjoni u l-istabbiltà. Huwa esprima wkoll is-solidarjetà ta’ Malta mal-Qatar wara l-attakki reċenti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport